Evanġelju
Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.
Ġw 2:13-25
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”. Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.
Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Riflessjoni teoloġika sabiħa mill-Evanġelju tal-Ħadd li għadda hija dwar kemm Ġesù kien konxju tiegħu nnifsu – ta’ dak li qiegħed iħoss u jaħseb – u ta’ dak kollu li kien qiegħed jiġri madwaru.
Din nerġgħu narawha fl-Evanġelju ta’ San Ġwann meta Ġesù, kontra kif naqraw fis-Sinottiċi, jieħu l-inizzjattiva hu meta resqu lejh is-suldati mibgħuta mill-qassisin il-kbar biex jarrestawh: “Ġesù, li kien jaf b’kulma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: ‘Lil min qegħdin tfittxu?’” (Ġwanni 18:4). Anke fuq is-salib, Ġesù kien jaf li jrid iwettaq dak li hemm miktub fl-Iskrittura u qal: “‘Għandi l-għatx!’” (Ġwanni 19:28).
Minħabba dawn l-indikazzjonijiet, xi studjużi saħqu li dan l-Evanġelju hu aktar teoloġiku milli storiku fin-natura tiegħu. Ladarba hemm din l-enfasi fuq kemm Ġesù kien konxju ta’ qed jiġri fih u madwaru, nistgħu ngħidu ma’ Maurice Blondel, ħassieb Franċiż, li “jekk Ġesù ma kienx jaf li hu Alla, allura ma kienx Alla.” Min-naħa l-oħra, Ignace de la Potterie, teologu Belġjan, jisħaq li ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert li Ġesù kien jaf li hu Alla, iżda li Ġesù għexha b’ubbidjenza lejn il-Missier. Tolqotni ħafna:
“Being Son signifies complete ‘esse ex alio’ to be totally from another. The experience and the exercise of this ‘being Son’ expresses itself existentially in obedience. That of Jesus, so strongly emphasized by John, is nothing other than existential, the transposition into experience of the profound reality of his ‘being Son’. ‘I come from the Father’ is one of the finest expressions of this mystery.”
Jeħtieġ naċċettaw li Ġesù kien konxju, b’mod jew b’ieħor, li hu l-Iben u bl-għaqda tiegħu mal-Missier. L-Evanġelju kollu ta’ San Ġwann hu dwar Ġesù mal-Missier, kemm qabel kull żmien kif ukoll fir-ritorn tal-Iben għand il-Missier. Għalhekk fir-raba’ Evanġelju ma naqrawx daqshekk dwar it-tbatija ta’ Ġesù daqskemm naqraw dwar is-salib bħala t-tron ta’ Ġesù, fejn fuqu Ġesù wera l-majestà u l-ubbidjenza tiegħu.
Perspettiva oħra hija dik li joffri Papa Franġisku. Huwa jgħid, f’omelija fl-2013:
From the Gospel passage of the purification in the temple, the icon of the reform of the Church: “Ecclesia semper reformando” comes because the members of the Church are always sinners and need conversion. The call to the faithful is to pray that the church may always flow with the water of grace, may always be found on Christ, may remain faithful to him, and that its members may always allow themselves to be converted by Jesus.
Il-Papa jkompli jgħid li t-tempju hu l-post fejn il-komunità tiltaqa’ biex titlob u tfaħħar lil Alla, biex tirringrazzja lil Alla, u fuq kollox biex tqim lil Alla. It-tempju hu l-post fejn tqim lill-Mulej. U dan hu l-aktar punt importanti.
Hemm bżonn niftakru li meta Ġesù miet fuq is-salib, il-purtiera tat-tempju ċċarrtet fi tnejn, u l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli f’Għid il-Ħamsin. Aħna stess insiru t-tempju li fih Alla jagħżel li joqgħod.
Issa għandna liġi ġdida. Għandna din il-paradigm shift. Il-liġi li kienet ingħatat fuq is-Sinaj issa laħqet il-milja tagħha fil-Liġi l-Ġdida mogħtija fil-Galilija permezz tal-beatitudnijiet. Il-Liġi l-Ġdida mhijiex liġi esterna miktuba fi ktieb, imma skont San Tumas t’Akwinu hi liġi interna miktuba fil-qlub. Hija l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, mogħtija permezz tal-fidi fi Kristu, li hi l-aktar importanti fil-liġi tal-patt il-ġdid.
Servais Pinckaers, teologu Dumnikan, iżid li l-beatitudnijiet huma diffiċli aktar mill-10 kmandamenti. Id-differenza hi li l-beatitudnijiet mhumiex dwar x’kapaċi nagħmlu imma dwar x’jista’ jagħmel fik l-Ispirtu s-Santu, jekk tħallih.
Għalhekk fil-qari tal-Ħadd li għadda ġejna preżentati bl-10 kmandamenti, u bit-tkeċċija tal-bejjiegħa mit-tempju aħna msejjħa niffukaw fuq dak li hu l-aktar importanti, fuq il-grazzja li tinstab f’Ġesù biss. Hawn il-qabża bejn li tipprova tagħmel l-affarijiet waħdek għal li tħalli lil Ġesù jagħmilhom permezz tiegħek.
Din il-kitba hija mibnija fuq Lectio Divina li saret lil komunità mis-Seminarista Ian Diacono.