Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù

EVANĠELJU Ġw 12:20-33
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd naraw il-wasla ta’ xi Griegi li jixtiequ jaraw lil Ġesù. F’dawn in-nies, nistgħu naraw fihom lin-nies li mhumiex Lhud – ‘l bqija tad-dinja – li qegħda tinġibed lejn il-persuna ta’ Ġesù. 

Naraw lil Griegi jistaqsi biex jaraw lil Ġesù. Dan huwa dettal importanti għaliex fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, għall-Evanġelista li tara tfisser li temmen. Ngħidu aħna, dan huwa il-każ meta San Tumas qal li biex jemmen f’Ġesù irxuxtat, ried jarah u jdaħħal sebgħu f’ġenbu. 

Biex inwieġbu għal fejn nistgħu naraw lil Ġesù rridu mmorru għal dik il-paġna fl-Evanġelju meta l-ġusti u l-ħżiena jistaqsu lil Ġesù “meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?” (Ara Mattew 25:31-46) Għaliex? Għax wieħed mill-modi kif naraw lil Ġesù hija fl-oħrajn. Din it-talba tal-Griegi għandha tibqa tinteressana u tqanqalna biex mhux biss nagħrfu lil Ġesù fl-oħrajn iżda li nfittxuh aħna stess, b’mod speċjali, fl-għedewwa tagħna.

Minn wieħed għall-ieħor

Aktar l-isfel f’din is-silta naraw li dawn l-Griegi l-ewwel marru jistaqsu lil Fillippu, imbagħad hu mar għand Indrì, imbgħad Indrì u Filippu marru għand Ġesù. Il-fatt li Filippu jmur l-ewwel għand Indrì u mhux Ġesù nistgħu nqisuha bħala tattika fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Naraw ħafna każijiet simili f’dan l-Evanġelju, meta xi ħadd jservi bħala medjatur biex iwassal lil ħaddieħor għand Ġesù.

Nigħdu aħna, meta Ġwanni l-Battista kien fil-preżenza ta’ żewġ dixxipli u indikalhom lil Ġesù għaddej, dawn imorru wara Ġesù u sadanittant Ġwanni jgħosfor. Episodju ieħor huwa dak tal-mara Sammaritana li tieħu raħal sħiħ għand Ġesù wara li rrakontat dak li għamel magħha, imbagħad din il-mara tgħosfor filwaqt li n-nies jibqgħu miegħu. Dan hu dak li jitlob minna d-dixxipulat. Aħna msejħin inressqu lil xulxin u lil persuni oħrajn għand Ġesù. Il-fidi ta’ dawk in-nies li nwasslu għal għand Ġesù għandu jkun il-ferħ tagħna wkoll, aħna li aħna dixxipli tal-Imgħallem. Aħna msejħin biex inkunu medjaturi. Biex nagħmlu dan, in-nies l-ewwel iridu jaraw fina xi ħadd li jappartjeni għal Ġesù. Hekk biss jistgħu in-nies jiġu għandna biex aħna nwassluhom għandu.  Għalhekk dan l-Evanġelju huwa opportun fi żmien ir-Randan. Jeħtieġ li f’dan iż-żmien inħarsu lejna nfusna u niġu eżaminati fid-dawl tal-Kelma tiegħu biex inkunu nogħġbu lilu u ta’ servizz għal oħrajn.

F’dan l-Evanġelju Ġesù wkoll jiddikjara li waslet is-siegħa li fiha ser jiġi gglorifikat. Jagħmel użu mit-tixbiha tal-ħabba tal-qamħ li tmut u li tagħmel il-frott.

Fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi

Iżda fejn hu Ġesù? Fejn jgħammar?

Din tfakkarna fid-dixxipli li staqsew lil Ġesù: “Fejn toqgħod, Rabbi?” (Ara, Ġwanni 1:38) Ġesù, skond San Ġwann fl-għeluq tal-Prologu tiegħu, jikteb li Ġesù jgħammar fi ħdan il-Missier. Ġesù jixtieq li aħna nkunu miegħu. Tajjeb nistaqsu: Kif ser naslu biex ngħammru miegħu fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum? 

Talba
O Marija, minn fuq s-salib, Ġesù bagħtek għandna u lilna għandek. Wassalna int għand Ġesu Ibnek, biex ngħammru dejjem miegħek u miegħu fi ħdan il-Missier għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ave Maria.

Din ir-riflessjoni hija bbażata fuq Lectio Divina li saret lil komunità tas-Seminarju minn Patri Martin Micallef OFM Cap.