Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba

EVANĠELJU Mk 10:17-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok.” U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla! Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.” Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu
.

Nitolbu l-qawwa tal-Ispirtu qaddis sabiex inpoġġu l-ħarsa tagħna fuq il-persuna ta’ Ġesù, nieħdu l-ħin biex nibqgħu miegħu u l-kuraġġ biex insiru nixbħuh.

1. Jien kif jien?

Ninnota l-ewwelnett fejn qiegħed Ġesù: “kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm”. Wara li l-Evanġelju ta’ San Mark ilaqqagħna mad-diffikultà ta’ tant nies, inkluż id-dixxipli, biex jifhmu lil Ġesù, issa jgħaddina għal fażi ġdida. Ġesù fit-triq lejn Ġerusalemm, impenjat, ipoġġi ħajtu hemm. Id-dixxiplu issa mistieden mhux biss biex jifhem iżda fuq kollox biex jinvolvi ruħu.

Nirrifletti ftit kif jien, bħal dak ir-raġel, bejn nixtieq u bejn ma nixtieqx nadotta l-istil ta’ ħajja li kellu Ġesù.

Nista’ nitlob li tikber fija x-xewqa interjuri li tkun fejn ikun Ġesù.

2. Ġesù…jħobbok

Ninnota wkoll il-ħarsa ta’ Ġesù. L-istedina tiegħu hija impenjattiva, iżda kull stedina hija akkumpanjata minn ħarsa – tlieta fil-fatt. “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu.“ Ħarsa fit-tul, ħarsa li permezz tagħha Ġesù joħloq relazzjoni, li quddiemha tinduna li jafek (inkluż il-limitazzjonijiet) u jħobbok.

Nirrifletti kif il-ħarsa tiegħu bil-mod il-mod tista’ tfejjaq il-ħarsa tagħna ta’ pussess jew kontroll.

Nista’ nitlob biex nieqaf taħt il-ħarsa tiegħu.

3. Ġesù jkellimna

Ninnota lil Ġesù li jidħol f’konverżazzjoni: mar-raġel, mad-dixxipli, ma’ Pietru. Jisma’, jistaqsi, b’rispett u paċenzja. Iżda wkoll jitfa’ dawl fuq dak li jonqos biex il-bniedem ikun ħieles u jidħol verament fil-ħajja (ta’ dejjem): “Ħaġa waħda tonqsok…”.

Nirrifletti kif dejjem nibqa’ miġbud biex inpoġġi s-sigurtà ta’ ħajti fil-flus, f’dak li maħluq, u mhux fil-Ħallieq.

Intelaq fil-preżenza ta’ Alla: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”.

Talba
Missier, agħtina l-grazzja li ma jkollniex ħarsa indifferenti u qalb magħluqa iżda ħarsa ta’ mħabba, rifless ta’ Ibnek Ġesù. Ammen.