Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent

EVANĠELJU Lq 1:39-45
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”. (Lq 1, 39-45)

i. Marija qamet u marret tħaffef … sellmet

Mara kuraġġuża! Setgħet għażlet li tingħalaq, toqgħod attenta, toqgħod lura (ma tmurx titħaġġar); imma għażlet li tqum, tħaffef, issellem (Shalom); għażlet li ma tieqafx fuqha nnifisha iżda tinkoraġġixxi t-tajjeb li qed jiġri f’ħaddieħor: issellem, tikkomunika sliem, tapprezza dak li hu uniku f’Eliżabetta; mhux tikkompeti jew tgħir iżda taqsam.

ii. Eliżabetta … nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!”

Eliżabetta kien ilha tgħix fil-mistħija: Snin tipprova bla kellhom tfal – kienu waqfu jsaqsuha … issa biss il-ħars u t-tikketta – kienu waqfu jippruvaw … issa rassenjati – żgur m’hemmx ċans!
 
U issa li ġie ċ-ċans, issa li tqila, donnu xorta baqgħet tgħix fil-mistħija, toqgħod lura, magħluqa.
 
Imma iż-żjara, it-tislima, iċ-ċaqliqa fil-ġuf, l-Ispirtu – il-preżenza moħbija ta’ Kristu fil-ġuf l-ieħor tillibera qawwa interna f’Eliżabetta: issa tista’ tgħajjat, tifraħ, tbierek. Dak li ser jibqa’ jidwi matul is-sekli, mhux it-tpaċpiċ tan-nies, iżda l-kliem ta’ barka ta’ min irċieva s-sliem: “Imbierka inti fost in-nisa …”

iii. “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.”

Faċli nillimitaw l-hena għal dak li qed naraw: jekk il-kundizzjonijiet tajbin nista’ nkun kuntent. Jekk għandi l-affarijiet f’idejja moħħi mistrieħ.
 

U l-importanti li F’IDEJJA: għax illum ma tista’ tafda lil ħadd! Imma hienja dik li ma ratx u emmnet: dik li taf tintelaq b’fiduċja f’Alla, dik li ma tara xejn iseħħ u taġixxi daqslikieku ġa seħħ, tqum, tħaffef, issellem, u tirċievi lura l-għajta, il-ferħ, il-barka ta’ min daq il-frott tal-ġuf tagħha qabel twieled. Hienja dik li emmnet li jseħħ qabel ma ratu jseħħ.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • X’tixtieq taqsam ma’ ħaddieħor?

  • Kif tista’ tikkomunika barka bil-kliem tiegħek?

  • Itlob id-don tal-fidi f’Alla.

Missierna li inti fis-smewwiet …