EVANĠELJU Lq 4:21-30
F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Il-Kelma tal-Mulej
R./ Tifħir lilek, Kristu
Niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla
i. Iżda hu qalilhom …
Dik il-kelma “iżda” mhix żejda? Mhux aħjar ma qal xejn iżjed, u qagħad igawdi s-suċċess u l-fama tal-mument? Imma hu ġie biex jagħti d-dawl mill-ġdid lill-għomja, u l-ebda tabib ma jfejjaq bla ma jiftaħ il-ġerħa. Jippreferi li l-folla li qed tfaħħru tinbidel fil-folla li trid titfgħu minn fuq għal isfel, milli jħallihom fl-għamad.
ii. armla minn Sarefta ta’ Sidon … Nagħman tas-Sirja
Fl-istess ġest fejn jikxef il-ferita, jibda joffri l-kura. Għal min mimli bih innifsu, għal dawk li jibni l-identità tiegħu minn sens ta’ superjorità fuq l-oħrajn, Ġesù jfakkar fl-istejjer li kienu nsew: dik tal-armla umli li rċeviet il-profeta dik ta’ xi ħadd barrani li tfejjaq. Stedina biex ibexxqu l-bieb: agħraf il-bżonn tiegħek apprezza t-tajjeb li jiġi mill-grupp l-ieħor!
iii. għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer
It-tendenza fina tibqa’ hemm! Li noqtlu l-vuċi tal-verità, li nwaddbu ‘l barra lil min niddeċiedu li hu “barrani”
li noqtlu dak li ġej minn Alla.
Imma il-qawwa tiegħu tibqa’ hemm! Jgħaddi minn ġo nofsna u ma jeħilx u jgħinna ma neħlux u dawk li jaċċettaw li jsiru dixxipli tiegħu ukoll jibqgħu mixjin u jagħtu d-dawl mill-ġdid.
Ħalli lil Ġesu’ ikellem lil qalbek :
Xi tfisser għalik li tbexxaq il-bieb? |
Liema kelma fl-Evanġelju tisfidak? |