Noffri ħajti bħala rigal

EVANĠELJU Mt 2:1-12
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.


Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

F’dawn iż-żminijiet tal-Milied, nħabblu ħafna moħħna x’se nagħtu bħala rigal lill-għeżież tagħna. Kemm ngħaddu minn ħanut għal ieħor biex infittxu dak ir-rigal ideali imma forsi qatt ma bsarna li ħajjitna tista’ tingħata bħala rigal. Filfatt, din is-silta, meħuda mill-Vanġelu skont San Mattew, il-Maġi, hekk jagħmlu quddiem din l-epifanija ta’ Alla li jsir bniedem bħalna. Barra li joffru r-rigali tagħhom: id-deheb, l-inċens u l-mirra, huma jagħmlu din il-qabża f’ħajjithom, li joffru ħajjithom bħala rigal. Dawn il-Maġi kienu persuni għatxana biex jagħrfu l-Verità u għaliha kienu lesti jħallu artijiethom u jfittxu l-Verità.

F’din is-silta, niltaqgħu mal-kuntrast bejn il-Maġi u Erodi, bejn il-paċi u l-konfużjoni fil-qalb. Il-Maġi jħossuhom ħerqana li se jiltaqgħu ma’ Alla filwaqt li Erodi u Ġerusalemm jitħawdu meta saru jafu li ġej xi ħadd aqwa minnhom. Erodi jinkwieta li se jitlef il-poter filwaqt li l-istituzzjoni mhux se tibqa’ ċ-ċentru tar-regola li tgħallem kif se tiġbor u tiggwida lin-nies. Madankollu l-Maġi ma jaqtgħux għax jagħrfu li d-dawl ġej minn ħaddieħor. Il-Maġi telqu minn Ġerusalemm u, kif raw il-kewkba, “imtlew b’ferħ kbir tassew” (vers 10).  Fejn waqfet il-kewkba, daħlu jaduraw lit-tarbija. Huma ferħu meta raw lil Ġesu tarbija ma’ ommu Marija għax min jagħmel l-esperjenza ta’ Alla f’ħajtu, jimtela b’ferħ kbir. Meta l-Maġi jiltaqgħu ma’ Ġesù tarbija, huma jinżlu quddiemu u jadurawH. Dawn huma żewġ azzjonijiet li jesponu li l-bniedem hu konxju li jinsab quddiem preżenza divina. Dan hu l-iskop ta’ ħajjitna, li noffru ħajjitna lil Alla. Ġesù lest li jmexxi l-ħajjitna għax huwa d-dawl tagħna. Dak kollu li huwa tiegħi, jsir ta’ Alla.

L-ewwel ħaġa importanti li jagħmlu l-Maġi huma li jieħdu azzjoni u jibdew ifittxu. Il-Maġi jieħdu dan ir-riskju biex joħorġu mill-comfort zone tagħhom biex jiskopru l-ġdid. Din hija ta’ tagħlima għalina l-bnedmin. Fid-diffikultajiet tagħna, meta noffru dak kollu li għandna, kapaċi li niltaqgħu ma’ Alla nnifsu. Aħna qegħdin nieħdu azzjoni fil-ħajja tagħna? Qegħdin infittxu lil Ġesù fil-ħajja tagħna?

Bħal Erodi, aħna jista’ wkoll ikollna l-poter u jaħkimna l-biża’ li jiġi xi ħadd aħjar minna. Kif inhi l-attitudni tat-tmexxija tiegħi fix-xogħol, fil-familja, kull fejn jien inkun? Jien nikkmanda jew inħalli l-ispirtu ta’ Alla jmexxi?

Tajjeb li nirriflettu wkoll liema hija l-Kewkba fil-ħajja tiegħi? Huma l-flus, it-tmexxija tiegħi fix-xogħol jew huwa Alla nnifsu li jdawwal lil ħajti u jmexxini?

Permezz ta’ dan il-Vanġelju, naraw il-proċess li jagħmel kull Nisrani. In-Nisrani ma jibqax marbut miegħu nnifsu, imma jibda jistaqsi, jifhem il-fidi tiegħu, irid jaqbad jimxi. In-Nisrani jħalli l-Iskrittura ddawwal il-ħajja tiegħu u din timlieh bil-ferħ. Il-Kelma ta’ Alla ma għandniex biss fil-memorja imma twassalni biex noffri ħajti bħala rigal. Permezz tas-sejħat differenti li Alla jagħmel fil-ħajja tagħna, nistgħu ngħixu bħala bnedmin ġodda f’kull sitwazzjoni fil-ħajja: fix-xogħol, fil-familja, mal-ħbieb u l-gruppi differenti, fil-komunitajiet u fuq kollox fil-Knisja.

Talba
Mulej, tini l-qawwa biex nagħrfek u nagħmel l-esperjenza tiegħek fil-ħajja tiegħi. Tħallinix marbut miegħi nnifsi u mas-sigurtà li għandi, imma għinni biex bħal Maġi nintelaq f’idejk biex nagħmel ir-rieda tiegħek u noffri ħajti bħala rigal.