Bis-saħħa tal-Covid-19 – Esperjenza tas-Sena Barra

Bħal ħafna minna, matul it-tielet sena kont ħerqan nippjana s-sena barra, iżda mal-ewwel, is-sena 2020 kienet milquta mill-pandemija tal-Covid-19. Għalhekk kienet ftit diffiċli biex niddeċiedi x’se nagħmel matul is-sena barra. Kien żmien ta’ inċertezza u diffikultà. Sadanittant iddeċidejt li naħdem mal-Ballut Blocks Limited, kumpanija li topera barriera, li tipproduċi l-konkos u l-brikks, li twaqqa’ l-bini u teskava siti ta’ kostruzzjoni u li timpjega madwar 150 ħaddiem. 

Wara x-xogħol, bdejt naħseb li mmur nagħmel esperjenza ta’ sitt xhur mal-Arċisqof George Frendo OP ta’ Tiranë-Durrës, fl-Albanija. Madankollu l-Covid-19 ma ppermettiex li jiena mmur nagħmel l-esperjenza fl-Albanija u għalhekk iddeċidejt li nibqa’ naħdem mal-imsemmija kumpanija matul is-sena kollha. 

Nirringrazzja ħafna lil Alla ta’ din l-esperjenza li laqqgħetni ma’ ħafna nies differenti u li matulha tgħallimt ħafna ħiliet ġodda. L-akbar valuri ta’ din l-esperjenza kienu l-preżenza u s-smigħ. Inħoss li din hija t-triq ’il quddiem – il-Knisja li toħroġ – biex tkun tista’ takkumpanja lil dawk li jsibuha diffiċli jħossuhom parti mill-Knisja, filwaqt li tkompli tieħu ħsieb il-wirt spriritwali u kulturali li diġà għandha.