Għajnejn Mera tal-Qalb!

Fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla

EVANĠELJU Lq 6:17,20-26
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu


i. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra …”

Ma’ Ġesù ħarist ‘il fuq f’għajnejn dawk li bilkemm qed ilaħħqu mal-ħajja u rajt qalb tiżen x’l-aħjar;
qalb attenta biex tista’ tagħti l-aħjar lil uliedha;
rajt dinjità, sens ta’ qies, apprezzament!

Ħarist f’għajnejn dawk li jaħsbu li jistgħu jixtru kollox bil-flus u sibt ħela, arroganza, faqar!


 

ii. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ …

Ma’ Ġesù ħarist ‘il fuq f’għajnejn min hu bil-ġuħ u skoprejt persuni għajnejhom miftuħa, attenti, kapaċi jaraw u japprezzaw persuna oħra kapaċi jgħidu “fejn jiekol wieħed, jieklu tnejn”.
Ħarist ‘il fuq f’għajnejn min hu mxebba’: la ra lili u lanqas lil ħadd!

iii. Henjin intom li għalissa tibku …

Ma’ Ġesù ħarist ‘il fuq f’għajnejn imxarrba bid-dmugħ u rajt ir-rifless tal-qalb li tħobb
bla pretensjonijiet quddiem ir-rigal tal-imħabba tal-maħbub/a; qalb tenera mweġġgħa bl-inġustizzja li sofriet hi jew persuna oħra!

Ħarist ‘il fuq f’għajnejn min qed ifaqqa’ d-daħk u ma stajt insib xejn!

iv. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom …

Ma’ Ġesù ħarist ‘il fuq f’għajnejn min għamel għażla ta’ prinċipju f’ħajtu
u baqa’ miexi magħha;
rajt is-silenzju dinjituż ta’ min sorpriż bit-tmejjil għax għażel it-tajjeb,
rajt id-determinazzjoni ta’ min jibqa’ impenjat b’kuraġġ qawwi, bla vjolenza!
Ħarist f’għajnejn il-populisti u l-opportunisti, sibt biża’ imma sinsla le!

 

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Tħares minn fuq lejn l-oħrajn?

  • X’jimla ‘l qalb tiegħek?

  • Meta doqt il-hena ta’ min ma jaħrabx it-tbatija tal-qalb?

  • Lejn xiex taspira?

Missierna li inti fis-smewwiet …