Tibża’ mill-fond?

Il-Ħames Ħadd ta’ Matul is-Sena

EVANĠELJU Lq 5:1-11
Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
R./ Tifħir lilek, Kristu

i. tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla   “Aqdef ’il barra fil-fond
Hemm xewqa fina għal dak li hu profond lil hinn “ta’ Alla”.
 
Imma xħin tiġi dik il-Kelma titfgħek f’nofs ta’ baħar fejn ma jlaħħqux saqajk. Mistieden taqdef int imma xħin tissogra tibda tinduna li l-istess Kelma qiegħda iġorrok.
 
Quddiem kelma li tisfida l-istatus quo, x’esperjenza jkollok? Reżistenza jew ħeġġa?

ii. għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn
Il-Kelma tinfed il-falliment, tinfed fil-kamra magħluqa tal-qtigħ il-qalb il-letarġija quddiem futur misruq
is-saffi ta’ ċiniżmu li nbena quddiem il-ħażen ripetut, id-diżappunt kostanti frott awtorità staġnata jew manipulattiva, l-idejn mitluqa u għajjiena li tilfu l-fiduċja li jistgħu jaqdfu qadfa oħra …għax GĦALXEJN!
 
Imma la qed tgħid int …
Ma x’hiex qed titħabat?


iii. Tbiegħed minni Mulej, għaliex…
Meta inti u taqdef u ttella’ x-xbiek, tiltaqa’ m’Alla, tistagħġeb, tara l-possibilitajiet jinfetħu u ssib saħħa ġdida biex tmidd idejk biex issajjar, tikteb messaġġ, tieħu inizjattiva, fiduċjuż li se tiltaqa’ m’Alla, li f’dik l-ikla, f’dak il-messsaġġ, f’dik l-inizjattiva, se jkun qed jagħti l-ħajja lin-nies.
 
 
Fejn esperjenzajt sorpriża li tatek enerġija ġdida?