Kif ħafna jafu, il-Knisja tikkonsisti minn ħafna friegħi. Ma għandhiex aspett wieħed biss. Għaldaqstant, kif se niddefinixxu x’inhi l-Knisja? Jew aħjar, min hi l-Knisja? Meta wieħed jinżel fil-fond tad-definizzjoni ta’ Knisja, faċli jiltaqa’ ma’ diversi paradossi.
Dan għaliex tista’ tidentifika l-Knisja bħal istituzzjoni ġerarkika, iżda fl-istess waqt il-Knisja tinsab qalb il-popli. Knisja qalb in-nies, magħmula min-nies. Knisja li tagħraf il-bżonnijiet ta’ kulħadd, u li tagħti spazju għal kwlaunkwe persuna. Il-Knisja mhux biss tħares id-dinjità umana tal-bniedem iżda wkoll twasslu biex ikun hu li jħares id-dinjità tiegħu, u li ma jgħixx fil-periferiji iżda fil-qalba tal-komunità.
Dan kollu jdur ma’ persuna waħda: Ġesù Kristu. Kif jistqarr il-Papa Benedittu XVI, “Il-Knisja hija dwar il-persuna ta’ Ġesù Kristu.”
Ġesù li fittex li jkun qalb in-nies.
Għaraf il-bżonnijiet mhux biss tan-nies ta’ madwaru iżda ta’ oħrajn ‘il bogħod.
Ma kkundanna lil ħadd, iżda refa’ l-kundanna hu.
Kollox gratwit.