Qari mill-Atti tal-Appostli
(Atti 1, 12-14)
Imbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.
Post:
Jekk irridu nimxu flimkien bħala Poplu t’Alla, bħala Knisja, mistednin ninżlu flimkien mal-ewwel dixxipli lejn Ġerusalemm, il-post tad-diżappunt u l-falliment. Mistednin nibqgħu ftit hemm. Ninżlu Ġerusalemm ma’ Ġesù li ma beżax jaffaċċja r-realtà. Nieqfu ftit fil-kamra ta’ fuq fejn Ġesù fittex li jsalvaha bl-għotja tiegħu nnifsu. U minn hemm nistennew il-qawwa tal-Ispirtu li tgħinna nimxu lejn kull realtà oħra li għandha bżonn l-imħabba li ssalva. Il-qawwa li tgħinna ma nibqgħux magħluqa b’sens ta’ ħtija jew biża’.
Persuni:
Nimxu flimkien timplika rabta mal-ħdax, rabta mal-appostli u l-missjoni li Alla jafda l-Knisja tiegħu. Timplika wkoll li nibqgħu miftuħin għal min hemm nieqes: it-tnax il-wieħed. Timplika l-presenza u l-kontribut tan-nisa li mhux biss telgħu magħhom tul it-triq iżda wkoll baqgħu hemm, qrib is-salib, meta l-oħrajn ħarbu. Timplika li ħadd ma jħossu superjuri wieħed fuq l-ieħor, iżjed qaddis mill-ieħor, imma b’doni diversi fi Knisja waħda.
Għażliet:
Biex nimxu flimkien bħala Knisja waħda, l-poplu qaddis t’Alla, ilkoll mistednin nagħmlu għażla: li nitolbu qalb waħda … ma’ Marija omm Ġesù. Qalb waħda ma’ Marija li kienet tgħix is-sitwazzjonijiet diversi billi “tgħożżhom” f’qalbha u “taħseb fuqhom bejna u bejn ruħha”. Qalb waħda ma’ Ġesù li fit-talb tiegħu la kien jimtela bih innifsu fis-suċċess lanqas jaqta’ qalbu quddiem ir-reżistenza. Meta l-qalb tidra tħabbat flimkien mal-qalb t’Alla, nimxu flimkien bħala Knisja.