Atti 11, 1-18
L-appostli u l-aħwa li kienu fil- Lhudija semgħu li l-pagani wkoll kienu laqgħu l-kelma ta’ Alla. Għalhekk, meta Pietru tala’ Ġerusalemm, dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu u jgħidulu: “Inti dħalt għand nies li ma għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom.” Mbagħad Pietru qabad ifissrilhom kollox ħaġa b’ħaġa u qalilhom: “Jiena kont qiegħed nitlob fil-belt ta’ Ġaffa, xħin kelli dehra f’estasi; rajt xi ħaġa nieżla mis-sema, qisha liżar kbir miżmum mill-erbat itruf, u wasal sa ħdejja. Bqajt inħares lejh sewwa, u rajt bhejjem ta’ l-art b’erba’ saqajn, bhejjem selvaġġi, bhejjem li jitkaxkru, u għasafar ta’ l-ajru. U smajt leħen jgħidli: ‘Qum, Pietru, oqtol u kul.’ Imma jiena għedt: ‘Ma jkun qatt, Mulej! Għax qatt ma daħal ġo ħalqi ikel profan jew imniġġes!’ Għal darba oħra l-leħen mis-sema qalli, ‘Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.’ Dan ġara għal tliet darbiet. Mbagħad kollox ittieħed mill-ġdid lejn is-sema. Sewwasew dak il-ħin, fid-dar fejn konna, waslu tlitt irġiel, mibgħuta għandi minn Ċesarija. L-Ispirtu qalli biex immur magħhom bla ma noqgħod nitħasseb. Miegħi ġew ukoll dawn is-sitt aħwa, u dħalna fid-dar ta’ dak ir-raġel. Hu għarrafna kif kien ra l-anġlu f’daru, wieqaf quddiemu, u qallu, ‘Ibgħat lil xi ħadd iġib minn Ġaffa lil Xmun, li jgħidulu Pietru; u hu jgħidlek kliem li bih issalva, int u l-familja tiegħek kollha. Kif bdejt nitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom, bħalma kien niżel fuqna fil-bidu. Ftakart imbagħad fil-kelma tal-Mulej, meta qal, ‘Ġwanni għammed bl-ilma, iżda intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.’ Mela jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?” Meta semgħu dan il-kliem siktu, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!”
Konverżjoni ta’ Pietru u twelid ta’ Knisja lokali
Il-Knisja kienet għaddejja minn żmien diffiċli ta’ persekuzzjoni (ara Atti Kap. 8 ‘il quddiem). Dan kien żmien iebes imma wkoll żmien ta’ grazzja kbira. Hawn jidher ċar li Alla għandu r-riedni tal-istorja tal-Knisja f’idejh u kapaċi joħloq ħaġa ġdida. U dan iseħħ fi proċess. Pietru fil-bidu juri ċerta reżistenza quddiem Alla (ara Atti 10, 14 u Atti 10:28). Imma, fl-aħħar mill-aħħar, Pietru jimxi skont l-inizjattiva divina. Meta l-Ispirtu ta’ Alla jgħidlu “Fittex inżel isfel u mur magħhom, …” (Atti 10, 20), hu jobdi mill-ewwel u, meta il-mibgħuta minn Kornelju jgħidulu jmur magħhom, hu jagħmel dan minnufih (ara Atti 11, 12). Fil-fatt, mal-wasla tiegħu igħid lil Kornelju: “Għalhekk xejn ma sibtha bi tqila biex niġi hawn meta bgħatt għalija” (Atti 10, 29).
Il-bżonn tal-istennija attenta
Pietru, fil-bidu ma jifhimx x’kien dak li ra. It-test igħidilna li kien “kollu mħawwad, …” (Atti 10, 17) u li, aktar tard, “kien għadu mħasseb … ” (Atti 10, 18). Kellu jistenna u jimxi pass pass, immexxi mill-Ispirtu ta’ Alla, biex jifhem dak li rċieva. Ukoll meta jiltaqa’ ma’ Kornelju, jgħidlu: “Issa, nistaqsi jien, għalfejn bgħatt għalija?” (Atti 10, 9). Iżda aktar tard jifhem: “ … Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd” (Atti 10, 28.34). Biex wieħed jifhem, jeħtieġ li wieħed ikollu attitudni ta’ ubbidjenza umli lejn l-Ispirtu ta’ Alla li jaħdem f’ħajjitna u li jurina t-triq pass pass.
L-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fil-ħajjiet ta’ Pietru u ta’ Kornelju.
Hu permezz tal-laqgħa bejn Pietru u Kornelju, u tal-qsim tal-esperjenza tagħhom li Pietru jibda jifhem u li, fil-fatt, iseħħ dak li l-Ispirtu ta’ Alla jrid. Alla kien qed jiggwida l-istorja u jiftaħ bieb ġdid li jippermetti l-laqgħa ta’ Kornelju u tal-familja tiegħu mal-kliem li bih isalvaw, (ara Atti 11, 14), u li jippermetti lill-Knisja li tagħraf bil-mod il-mod li l-grazzja tas-salvazzjoni hi għal kulħadd mingħajr eċċezzjonijiet (ara Atti 10, 29). Hawn jibda jseħħ dak li Kristu Rxoxt kien ħabbar: “meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom … tkunu xhieda tiegħi … sa truf l-art” (Atti 1, 8). Dan hu tassew ħolqien ġdid li Alla jġib fil-ħajja ta’ Pietru, ta’ Kornelju u tal-Knisja.
L-importanza tal-Knisja waħda
Pietru imbagħad jispjega kollox “ħaġa b’ħaġa” lill-komunità ta’ Ġerusalemm. Din l-ispjegazzjoni hi mportanti kemm għal Pietru nnifsu – għax tippermettielu jifhem aħjar kif Alla mexa miegħu – u kemm għall-Knisja – għax dan hu mument importanti ta’ dixxerniment komunitarju. Pietru jagħraf li kien Alla li ħa l-inizjattiva: “jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?” (Atti 11, 17). U l-komunità, hi u tisma dak li kien qed igħid Pietru, tgħaddi minn attitudni ta’ dubju u ostilità (Atti 11, 3) għal waħda ta’ sliem u talb ferħan (ara Atti 11, 18). Dawn huma sinjali li jikkonfermaw li dak li kien ġara kien ġej minn Alla nnifsu.