Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh’. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.
Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Eżatt qabel dan l-episodju kienu l-iskribi u l-qassisin il-kbar li ppruvaw jonsbu lil Ġesù bla ma rnexxielhom. Issa kien imiss lis-Sadduċej li ma kinux jemmnu fil-qawmien mill-imwiet. Mad-daqqa t’għajn id-domanda tas-Sadduċej tidher waħda onesta, ġenwina u loġika. Però, bl-eżempju esaġerat li ġabu hija ċara li l-għan tagħhom ma kienx wieħed ġenwin.
Aħna wkoll fil-ħajja tagħna nistgħu ngħidu jew nagħmlu affarijiet li mad-daqqa t’għajn jidhru ġenwini u ħafna drabi lanqas nindunaw b’dawn il-blind spots fil-ħajja tagħna. Għalkemm għal ħaddieħor inkunu nidhru ġenwini fil-fond tal-qalb tagħna, inkunu qed niġġustifikaw l-għemil u l-kliem tagħna.
Is-Sadduċej kienu jikkonsidraw il-kotba tal-Pentatewku (il-kotba tal-Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri u Dewterenomju) biss bħala awtorità ta’ fidi. Biex jurihom il-verità u jirrispondi d-domanda tagħhom Ġesù juża biss l-istess kotba li jemmnu fihom. Ma jippruvax juża kotba oħra fl-iskrittura biex jagħmel il-punt tiegħu; ma jippruvax iġegħilhom jaċċettaw kotba oħra, iżda juża l-kotba li huma kienu diġà jgħożżu u jemmnu. Din turi biċ-ċar il-ġentilezza ta’ Ġesù. Le, ma jagħmilx vjolenza magħhom; bħalma ma jagħmilx vjolenza magħna. Ġesù dejjem jimxi magħna skont fejn ninsabu bla ma jisforza jew jimbotta. L-għan tiegħu mhux li jirbaħ l-argument iżda li jirbaħ lilna billi nargħfu l-verità u l-imħabba tremenda tiegħu għalina.