Qari mill-Atti tal-Appostli
Atti 15: 22 – 35
Imbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa, u bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!” Għalhekk dawn il-messaġġiera niżlu Antjokja, laqqgħu l-ġemgħa u tawhom l-ittra, qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom. Ġuda u Sila, li kienu wkoll profeti, farrġu lill-aħwa u wettquhom b’ħafna kliem.Wara li qagħdu hemm għal ftit taż-żmien, telqu bis-sliem mingħand l-aħwa u reġgħu lura għand dawk li kienu bagħtuhom. Imma Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja, fejn ma’ ħafna oħrajn kienu jgħallmu u jxandru l-kelma ta’ Alla.
Immaġina din: Ġesù għażlek biex tkun il-kap tal-Knisja u issa huwa tela’ s-sema u ħalla f’idejk biex tmexxiha. Mill-ewwel jinqala’ intopp! Hemm diżgwid bejn l-Insara li ġejjin mir-reliġjon Lhudija u dawk li ġejjin mir-reliġjon Pagana. Tal-ewwel isostnu li kull min irid isir Nisrani irid qabel xejn isegwi l-liġijiet u l-preċetti tal-Lhud. Tal-aħħar jaraw dan bħala piż kbir wisq u irrelevanti għall-fatt li jridu jkunu dixxipli ta’ Ġesù.
Kieku int kif issolviha din is-sitwazzjoni?
F’kapitlu 15 (vv. 1-35) tal-Atti tal-Appostli naqraw ġrajja importanti ħafna, dwar kif Pietru (magħżul minn Ġesù biex ikun kap tal-Knisja tiegħu), Ġakbu (dak li mexxa l-knisja f’Ġerusalemm), u d-dixxipli l-oħra indirizzaw din ir-realtà. Dan il-fatt storiku nsibuh bħala “Il-Konċilju ta’ Ġerusalemm” u kienet l-ewwel laqgħa bejn l-appostli, il-presbiteri u l-insara l-oħra biex jiddiskutu temi importanti fil-ħajja tal-Knisja fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu.
Ninnutaw ftit punti importanti:
· Pietru ma jaqbadx u jaqtagħha waħdu skont kif jidhirlu hu,
minkejja l-konvinzjoni personali tiegħu, imma jiltaqa’ mal-ġemgħa biex jitkellmu
flimkien fi spirtu ta’ komunjoni. Inċidentalment naraw xi ħaġa simili f’din
ix-xena tal-film, Of Gods and Men.
· Pietru ma jserraħx fuq xi teoloġija spekulattiva jew ideat astratti, imma
hu flimkien mal-oħrajn, ifakkru ġrajjiet reali biex jaraw kif Alla ħadem
magħhom.
· Jasslu għall-konklużjoni li l-fidi fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kirstu huma
biżżejjed għas-salvazzjoni għax ma hemm xejn li aħna qatt nistgħu
nagħmlu biex nimmeritawha. Is-salvazzjoni hija don li kull persuna tista’
tirċievi jekk kemm-il darba aħna lesti biex nilaqgħuha.
· Din l-esperjenza tal-laqgħa tagħhom fejn jisimgħu lil xulxin fi spirtu ta’
talb biex jaraw ‘l fejn qed imexxi l-Knisja l-Ispirtu s-Santu, timla lil
kulħadd b’ferħ ġenwin, sinjal tal-konsolazzjoni li Hu biss jista’ jagħti.
Is-Sinodu li għadu kemm nieda l-Papa Franġisku u li se jseħħ fl-2023 u l-2024 huwa mod kif ikoll kemm aħna nipparteċipaw b’mod simili fil-ħajja tal-Knisja għat-tiġdida tagħha.