It-Tieni Ħadd tal-Avvent


Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema, u taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: ‘Għandna b’missier lil Abraham’. Ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.

Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

Din is-silta tippreżentalna lil Ġwanni l-Battista bħal mudell għal ħajjitna, speċjalment f’dan iż-żmien tal-Avvent. Ġwanni huwa dak li ġie biex iħejji t-triq għall-miġja ta’ Kristu. Il-profezija ta’ Iżaija tfakkarna li fit-tradizzjonijiet tal-Lvant, meta kien jgħaddi Re minn x’imkien, kien jibgħat lin-nies qablu biex jippreparaw il-passaġġi u jneħħu x-xkiel. Aħna mistiednin nagħmlu dan il-proċess f’qalbna fl-Avvent. Dan huwa żmien li fih naraw f’liema partijiet tal-ħajja tagħna għandna bżonn inkunu aktar bħal Kristu. 

Din is-silta tippreżentalna lil Ġwanni l-Battista bħal mudell għal ħajjitna, speċjalment f’dan iż-żmien tal-Avvent. Ġwanni huwa dak li ġie biex iħejji t-triq għall-miġja ta’ Kristu. Il-profezija ta’ Iżaija tfakkarna li fit-tradizzjonijiet tal-Lvant, meta kien jgħaddi Re minn x’imkien, kien jibgħat lin-nies qablu biex jippreparaw il-passaġġi u jneħħu x-xkiel. Aħna mistiednin nagħmlu dan il-proċess f’qalbna fl-Avvent. Dan huwa żmien li fih naraw f’liema partijiet tal-ħajja tagħna għandna bżonn inkunu aktar bħal Kristu. 

Ġwanni l-Battista jgħallimna ukoll biex inkunu umli. Hu, għalkemm profeta kbir, ma ppretendiex li hu il-Messija. Huwa kien dejjem jibgħat lil nies għand Kristu u jipponta lejh. Jpoġġi sfida kbira lill-Fariżej u s-Sadduċej li kienu mlaħħqin fir-reliġjon Lhudija, u li kienu jassumu li għax għandhom dik il-pożizzjoni mela m’għandhomx għalfejn jindmu u jinbidlu. Jisfida anke lilna biex naraw f’ħajjitna fejn m’aħniex nagħmlu frott tajjeb, fejn f’ħajjitna għandna tiben biss u mhux qamħ. Pero’ jgħallimna ukoll li l-bidla ma nġibuhiex aħna b’idejna imma tiġi mill-Mulej stess. Aħna irridu biss ninfetħu għalih biex hu jibdilna anke f’postijiet ta’ ħajjitna li jistgħu jkunu diffiċli għalina.

  1. Ħu ftit ħin kuljum u staqsi lilek innifsek, fejn fil-ġurnata tiegħi ma ġibtx ruħi bħal Kristu? 
  2. Fil-ħajja tiegħi fejn nsib ruħi supperva/a? Jew għax nippretendi li għandi r-risposta kollha? Jew għax m’għandix bżonn ninbidel? Jew għax naħseb li m’għandix bżonn l-għajnuna t’Alla? 
  3. Liema partijiet f’ħajtek mhumiex jagħtu frott tajjeb? Offrihom lil Mulej fis-skiet u stiednu biex hu jieħu ħsieb is-siġra ta’ ħajtek. Intelaq f’idejh.