EVANĠELJU
Mort, inħsilt, u ġejt nara.
Ġw 9:1-41
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm’. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?”. Qalilhom: “Ma nafx”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.
Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Riflessjoni/talba:
Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih”
Jista’ jkun li nieqfu biss fuq kawża-effett:
min għandu ħtija? min hu responsabbli?
Hemm sitwazzjonijiet fejn dan meħtieġ.
Imma hemm triq li twassalna aktar minn hekk.
Quddiem il-kumplessità tal-ħajja,
f’sitwazzjonijiet diffiċli u ta’ dlam,
Ġesù jgħinna nilmħu tama moħbija.
Irrifletti:
- Ġieli skoprejt dawl ġdid f’sitwazzjoni diffiċli (tiegħek jew ta’ ħaddieħor)?
ii. “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.
Jistħajlu li jafu kollox:
li jistgħu jiddeċiedu għal kulħadd ir-rieda t’Alla!
Imma aktar ma jmur aktar ma jibgħux jaraw ċar
u jsiru vjolenti lejn min qed jibda jara.
Jippreferu jħallu n-nies għomja milli jiskopru xi ħaġa ġdida huma!
Irrifletti
- Fejn tara riskju ta’ staġnar?
iii. Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu.
Aktar ma jmur, aktar jiftaħ għajnejh, aktar jafda f’Alla,
jara b’mod ċar li mhux talli mhux “dnubiet waħdu”
iżda jara lilu nnifsu bħala “mibgħut”, afdat minn Alla.
Fil-post fejn kien imkeċċi u mormi
isib lilu nnifsu f’Ġesù, il-mibgħut mill-Missier.
Irrifletti
- Hemm xi falliment li qed jinbidel f’esperjenza ġdida tad-dinjità tiegħek?