“Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien”

Evanġelju
Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.
Ġw 10, 1-10

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Il-Liturġija illum ma tippreżentalniex storja minn wara il-Qawmien ta’ Kristu imma tippreżentalna il-ħajja li jagħtina Kristu r-Rxoxt. “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”. Il-ħajja tagħna hija esperjenza kontinwa fejn nippruvaw nifhmu x’jiġifieri il-Qawmien ta’ Kristu. Il-Qawmien huwa proċess, esperjenza li tibdilna, tbiddel l-istorja tagħna u tal-kommunita’ fejn ngħixu. 

U fil-fatt illum il-Vanġelu jitkellem fuq l-aspett tal-kommunita’ ukoll. Din is-silta tiġi wara l-esperjenza ta’ dak ir-raġel għami li wara li tfejjaq u emmen f’Ġesu’ ġie mkeċċi mis-sinagoga. Ġesu’ għalhekk jitkellem fuq il-merħla tiegħu u fuq il-mexxejja tal-merħla. U jpoġġi quddiemna ħafna kuntrasti. Hu bħala ir-Ragħaj it-Tajjeb jindokkra lin-nagħaġ tiegħu, jafhom waħda waħda. In-nagħaġ jafuh. Hu ġie għal kulħadd u ma jkeċċi lil ħadd ‘il barra. Hu ġie biex jagħti ħajtu u ġie biex jagħti l-ħajja. Jmexxihom fejn jistgħu jirgħu b’ħafna liberta’: ‘jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa’. Minn naħa l-oħra l-Ispirtu il-Ħażin jgħawweġ l-affarijiet u jġib il-biża’. Naraw dan fil-kliem ‘joqtol, jisraq, jeqred’. Dawn kollha sinjali ta’ mewt u mhux Qawmien. 

F’din is-silta Ġesu’ jgħid li huwa l-bieb tal-maqjel. Bieb jfakkarna li qiegħed hemm biex jipproteġina u jagħtina il-kenn u s-sigurta’. Ir-Rgħajja, meta kienu jkunu qed jirgħu u jkunu l-bogħod wisq mill-maqjel kienu jiffurmaw ċirku minn friegħi tal-arbuxell tax-xewk u ir-Ragħaj kien jgħaqqad dak iċ-ċirku b’ġismu stess billi jimtedd. U b’hekk kien ikun il-bieb taċ-ċirku. Hu stess b’ħajtu kien jiddefendi lin-nagħaġ tiegħu. Dan hu Ġesu’ li għadu jiddefendina u jħarisna bħala il-Bieb. 

Ejjew illum nisimgħu leħnu u nħalluh imexxina f’mergħat kollhom ħdura u ħajja.

  • Fittex ftit f’ħajtek x’inhuma is-sinjali tal-ħajja u x’inhuma is-sinjali ta’ qerda. U kellem lil Alla dwarhom u isimgħu ikellmek fis-skiet. 
  • Jiena kif nista’ nwassal lill-oħrajn għall-Bieb? Kif nista’ nkun bieb għall-oħrajn fil-passi ta’ Kristu? Kif nista’ ngħinhom isibu il-ħajja?