“Min jgħix bit‑tama …”
“Imut bil‑piena”, ikompli l‑Malti.
Imma x’jiġri jekk ngħixu bla tama?
F’rabta mal‑Ġublew tas‑sena 2025 għażilna t‑tema “ankrati fit‑tama”. Xi tfisser li ngħixu bl‑ankra tagħna fil‑futur, fil‑ħajja li Alla lesta għal dawk li jħobbuh?
Nemmnu
Bħall‑profeta Eżekjel quddiem il‑wied mimli għadam niexef, mistednin inħallu lil Alla jisfidana: “Jista’ dan l‑għadam jerġa’ jieħu l‑ħajja?” (Eżekjel 37,3). Il‑fidi tagħna f’Alla l‑Missier li ħalaq is‑sema u l‑art tmexxina biex ngħidu: “Inti taf Sinjur”. Bħala Seminarju għandna r‑responsabbiltà li nħalluh jibgħatna f’dawk il‑postijiet fil‑Knisja u fis‑soċjetà fejn kollox jidher li nixef jew falla. Inħalluh jinkuraġġina: “Ħabbar. Wassal il‑Kelma tiegħi. Ħalli l‑Ispirtu tiegħi jissorprendik”.
Nittamaw
Inħarsu lejn Ġesù li għex ħajtu bl‑ankra tiegħu moħbija fl‑imħabba tal‑Missier. Inħarsu lejn l‑azzjonijiet, il‑kliem u l‑qalb tiegħu fl‑aħħar mumenti. Jaf li hemm pjan biex joqtluh. Konxju li fost dawk l‑aktar qrib hemm min ser jittradih, min ser jiċħdu. Imma għax jittama jwettaq ġest li jiftaħ futur: l‑istess nies li kienu ser jaħarbuh isibu lilhom infushom mistednin minnu għal ikla: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi”. Bħala Seminarju nixtiequ ngħixu dan il‑ġest ta’ tama f’kull ewkaristija li niċċelebraw u nwettqu ġesti ta’ ospitalità b’tifkira tiegħu.
Inħobbu
Għax immexxijin mit‑tama tal‑ħajja ta’ dejjem, nitolbu l‑grazzja li nniżżlu l‑għeruq tagħna fl‑imħabba u fuqha nibnu ħajjitna. Il‑pellegrinaġġ tagħna ġewwa Franza jispirana permezz tal‑qaddisin li għexu mill‑imħabba: il‑Kurat t’Ars, Santa Margerita Marija Alacoque, San Vinċenz de Paul, San Karlu de Foucauld, Santa Teresa ta’ Lisieux.
Għexu bit‑tama imma altru li ma mitux bil‑piena.
Dun Jimmy Bonnici
Rettur