“Min iżomm il-kmandamenti tiegħi”

Evanġelju

Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu

Ġw 14:15-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”

Riflessjoni

Fl-Evanġelju tas-Sitt Ħadd tal-Għid, Ġesù jkompli juri l-imħabba illi għandu għad-dixxipli tiegħu fiċ-Ċenaklu. Din hija stedina li Ġesù qiegħed jagħmel lilna wkoll biex nidħlu f’din ir-relazzjoni ta’ imħabba miegħu. Li nħarsu l-kmandamenti ma jfissirx biss li nobduhom imma li ngħixu kemm jista’ jkun kif għex Hu, jiġifieri nkunu għotja għall-oħrajn. Ta’ dan għandna eżempju ċar ta’ Ġesù illi, fuq is-salib, obda sal-mewt mhux minħabba xi kmandament li ġie mpost fuqu imma kienet propju din l-imħabba li ġejja minn Alla li Ġesù ta ħajtu minn rajh. Għalhekk, aħna wkoll mistiedna biex inħobbu f’kull laqgħa, f’kull post, f’kull ċirkustanza. Din l-imħabba lesta li taffronta t-tfixkil u jkollha l-ħila li tiġġedded. Frott din l-imħabba bejn il-Missier u l-Iben, għandna l-Ispirtu s-Santu li hu d-Difensur li se jieqaf magħna sabiex ma nkunu qatt weħidna. Dan l-Ispirtu jtina l-qawwa biex nikbru fil-għerf u jagħtina dak li għandna bżonn biex nagħmlu kollox b’imħabba. Misjuqin minn din l-imħabba, aħna nistgħu nħarsu l-Kmandamenti li bħal mera juruna min aħna u fejn aħna. Flimkien, bħala Knisja, kapaċi nagħmlu l-għażliet li huma tajba skont ir-rieda ta’ Alla.

Għajnuna fil-meditazzjoni tagħna:

  • Jiena nħares lejn il-Kmandamenti bħala mezz kif ningħata għall-oħrajn?
  • Jiena nemmen li l-Ispirtu s-Santu jagħtini l-qawwa biex inħobb lil oħrajn? Lest li nħalli l-Ispirtu s-Santu jaħdem fija?