ĦARSA MINN FUQ IL‑KAMPNAR

Iċ‑ċirkostanzi tal‑ħajja, xi minn daqqiet, huma imprevedibbli—xi kultant b’mod pożittiv, u drabi oħra le. Meta wieħed jitla’ fuq kampnar, ikollu viżjoni differenti minn dak li s‑soltu mdorri jara. Pereżempju, wieħed jista’ jara xeni isbaħ li s‑soltu qatt ma jkun jinnota, anke fil‑ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Dan jista’ jibdel il‑perċezzjoni ta’ dak li jkun u jibda jinduna li, fost dak li s‑soltu jara bħala ikrah, jista’ jiskopri wkoll aspetti oħra li jgħaxxquh bi ġmielhom.

Fil‑konkret, il‑kampnar jirrappreżenta l‑eżami tal‑kuxjenza fid‑dawl tal‑Kelma t’Alla fil‑ħajja ta’ kuljum.

Dan iservi biex wieħed jieqaf, isib il‑ħin jitla’ t‑taraġ ta’ dan il‑kampnar— li, ngħiduha kif inhi, jirrikjedi kemm ħin u enerġija—imma ladarba jkun wasal fuq nett, jiġifieri fil‑ġabra, fit‑talb u anke f’sintonija mal‑Mulej, ikun jista’ josserva x’hemm preżenti fid‑diversi aspetti tal‑ħajja.

Permezz ta’ dan, wieħed jista’ jara l‑istampa kollha u jifraħ b’dak li jkun sejjer tajjeb, imma fl‑istess waqt tingħatalu perspettiva biex, meta jinżel lura minn fuq il‑kampnar, ikun jista’ jaffaċċja l‑partijiet li huma inqas sbieħ u, saħansitra, anke jġib bidla.

Illum, int tlajt fuq il‑kampnar?