IL‑VOKAZZJONIJIET! HEMM TAMA?

Kull fejn immur, kważi drajt li dejjem ikun hemm min jistaqsini l‑istess mistoqsija: “Father, kif ser nagħmlu biex ikollna aktar vokazzjonijiet?” Fi żmien fejn in‑numru ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi naqsu mhux ħażin, dak li jkun bla ma jrid jinħakem minn xi ftit biżà u jiddubita dwar il‑futur!

Il‑Papa Franġisku fil‑messaġġ annwali tiegħu għal Jum il‑Vokazzjonijiet ifakkarna li minkejja l‑isfidi kollha li naraw madwarna, “għandna dejjem nibqgħu sejrin bil‑vjaġġ tagħna tal‑ħajja u nkunu miftuħa u attenti għal dak li l‑Ispirtu jrid jgħidilna”.

Fi ftit kliem, naħseb dan hu li qegħdin nippruvaw nagħmlu bħala Ċentru tal‑Vokazzjonijiet: li nkomplu mexjin b’sens ta’ tama fil‑Mulej filwaqt li nippruvaw nifhmu ta’ kuljum il‑Mulej x’jixtieq jgħidilna bl‑esperjenzi kollha li tlaqqagħna magħhom il‑ħajja!

Li jagħtini ħafna tama huwa li, anke jekk m’għandniex in‑numri tal‑passat, xorta hemm numru sabiħ ta’ persuni ta’ etajiet differenti, li b’determinazzjoni u b’impenn kbir qegħdin jippruvaw iwieġbu b’mod ġenwin għas‑sejħa li qiegħed jagħmlilhom il‑Mulej. Tajjeb għalhekk li nitolbu għalihom u għas‑seminaristi kollha sabiex l‑Ispirtu jagħtihom il‑kuraġġ li għandhom bżonn ħalli jwieġbu “iva” għas‑sejħa tal‑Mulej, u li fl‑aħħar mill‑aħħar il‑ferħ tal‑“iva” tagħhom ikun ta’ xhieda u inkoraġġiment biex kull wieħed minna jsib is‑sejħa partikolari tiegħu u hekk inkunu verament Knisja ħajja.