Fil‑31 ta’ Mejju tal‑1955, l‑Arċisqof Gonzi kkonsagra l‑kappella l‑ġdida tal‑Kulleġġ Mater Admirabilis (illum is‑Seminarju), li kien inawgurat fl‑4 ta’ Mejju tal‑1954 għat‑taħriġ tal‑għalliema tfajliet. Fil‑kappella temporanja f’sala tal‑Kulleġġ, lejliet il‑konsagrazzjoni kien hemm esposti għal‑venerazzjoni r‑relikwi ta’ San Severino (c. 410‑482) u San Desideratus (‑550). Dawn tpoġġew fuq artal imħejji apposta u mżejjen b’sitt xemgħat u erba’ vażuni bil‑qronfol u ward aħmar. L‑Arċisqof, is‑segretarju tiegħu, u ċ‑ċerimonier tal‑Katidral tal‑Imdina ġew għat‑tberik u għas‑siġġillar tar‑relikwi li l‑għada tpoġġew fl‑artal tal‑kappella l‑ġdida.
Għall‑konsagrazzjoni l‑Arċisqof kien assistit mill‑Monsinjuri Fenech, Vassallo u Brincat. Patri Dominic Ebejer, O.P. mexxa l‑kant, u kantaw il‑patrijiet u n‑novizzi dumnikani. F’nofsinhar il‑Provinċjal tad‑Dumnikani ċċelebra l‑quddiesa tal‑konsagrazzjoni megħjun mill‑istess patrijiet u novizzi dumnikani. Kienu wkoll preżenti għadd ta’ qassisin djoċesani u reliġjużi. Iċ‑ċerimonja bdiet fis‑7.30 a.m. u damet sal‑12.40 p.m.
Fis‑7.30a.m. ukoll, fil‑kappella proviżorja, kien hemm quddiesa oħra għall‑istudenti u oħrajn li ma ħadux sehem fiċ‑ċerimonja tal‑kappella l‑ġdida.