Id‑dixxerniment hu proċess profond u intensiv, fejn wieħed jieqaf mill‑ħajja mgħaġġla ta’ kuljum biex jisma’ lil Alla u jara għal xiex qed isejjaħlu. Hu wkoll żmien fejn wieħed iwieġeb b’mod sinċier u kuraġġuż għal dik is‑sejħa.
Is‑seminaristi, darba kull erba’ ġimgħat – bejn il‑Ġimgħa u l‑Ħadd – jieħdu sehem fil‑Live‑In organizzat miċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet. Għall‑grazzja t’Alla, in‑numru ta’ dawk li jattendu hu sabiħ. Diversi persuni li jkunu qed iħossu sejħa għall‑ħajja saċerdotali jew reliġjuża jsibu f’dan l‑ispazju ambjent fejn jistgħu jiltaqgħu ma’ persuni kapaċi jgħinuhom fil‑proċess tad‑dixxerniment tagħhom.
Is‑seminaristi jippreparaw laqgħat għal gruppi differenti, imsejsa fuq temi varji skont l‑età tal‑parteċipanti. Jorganizzaw ukoll attivitajiet għal mumenti inqas formali, u jieħdu ħsieb il‑mumenti ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija, kif ukoll lanimazzjoni tal‑quddiesa.
Wara dan kollu, hemm ħafna xogħol li jsir fis‑skiet u bi mħabba kbira. Apparti xxogħol siewi li jsir fi ħdan iċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet, hemm ukoll realtà qawwija ta’ talb għal aktar vokazzjonijiet. Kuljum, il‑komunità maġġuri żżomm fit‑talb tagħha lil dawk kollha li qed iħossu sejħa vokazzjonali.
Huwa essenzjali li anke int, li qed taqra dan l‑artiklu, titlob lil Sid il‑ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema għall‑ħsad tiegħu!

