GĦALIEX IVA?!

Għaliex iva?! Għaliex saċerdot? Żgur li din il‑mistoqsija f’xi ħin jew ieħor telgħet fil‑qalb ta’ kull wieħed u waħda minna! Żgur li f’xi ħin jew ieħor qabditna kurżità

x’ġiegħel dak is‑saċerdot jitlaq kollox u jgħid iva għas‑sejħa tiegħu mingħand il‑Mulej. Għaldaqstant bħala parti mill‑ħidma taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet, ħsibna li nagħmlu serje ta’ poddati (podcasts) ma’ saċerdoti differenti fejn jirrakkuntaw l‑istorja tal‑vokazzjoni tagħhom u għaliex jaħsbu li hu worth it li tkun qassis fid‑dinja tal‑lum. L‑għan tal‑poddata huwa li bl‑esperjenzi ta’ kif skoprew is‑sejħa tagħhom u l‑isfidi u l‑opportunitajiet li jiltaqgħu magħhom, is‑saċerdoti jgħinu lil ħaddieħor, speċjalment liż‑żgħażagħ, jaraw is‑sbuħija tas‑sejħa ta’ Alla. Ix‑xewqa tagħna hi wkoll li dawn it‑taħditiet ikunu sinjal ta’ tama għal dawk li għadhom qed jaħsbu jgħidux ‘iva’ lil Alla, kif ukoll inkoraġġiment għal dawk li diġà huma saċerdoti, kemm żgħar kif ukoll kbar fl‑età. Jekk għadkom ma rajtuhomx inħeġġukom issegwu dawn il‑poddati permezz tal‑ħolqa t’hawn isfel u tgħadduhom lil żgħażagħ li taħsbu li jistgħu jkunu ta’ ġid għalihom!

Għaliex iva?! hu proġett taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju f’kollaborazzjoni mal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.