“Dan il‑ġiri kollu għalfejn? Nafu ’l fejn qed niġru?” Din il‑mistoqsija li ħabib tiegħi poġġa
fuq il‑mezzi soċjali, laqtitni. U nemmen li t‑tema li għażilna għal din is‑sena tista’ tgħinna.
“Ħudu ħsieb il‑qalb”.
Hekk qal il‑Papa Ljun XIV lis‑seminaristi fl‑24 ta’ Ġunju 2025. Għaliex? Għax l‑għan huwa
li “ssiru bnedmin kuntenti, qassisin kuntenti, ‘pontijiet’ u mhux ostaklu biex dawk li jiġu
għandkom jiltaqgħu ma’ Kristu … Kif Ġesù ħabbna b’qalb umana, hekk intom imsejħa biex
tħobbu bil‑qalb ta’ Kristu.”
Għażla impenjattiva
Għall‑Papa Ljun, li nieħdu ħsieb il‑qalb ifisser li ma nikkuntentawx bil‑medjokrità: “Intom
imsejħa biex ikollkom passjoni għall‑ħajja saċerdotali, li tgħixu l‑preżent b’mod sħiħ u li
tħarsu lejn il‑futur b’qalb profetika.”
Ifisser ukoll li timxi t‑triq lejn il‑ġenwinità: “billi twarrbu minnkom kull maskra u kull
ipokresija. Filwaqt li żżommu ħarsitkom fuq Ġesù, tgħallmu agħtu isem u leħen ukoll
lin‑niket, lill‑biża’, lit‑tensjoni, lir‑rabja, billi nġibu kollox fir‑relazzjoni ma’ Alla. Il‑kriżijiet,
il‑limitazzjonijiet, id‑dgħufijiet m’għandniex naħbuhom, imma huma pjuttost okkażjoni ta’
grazzja u esperjenza tal‑Irxoxt.”
Komunità ta’ tmien seminaristi
Dan il‑vjaġġ qed nagħmluh flimkien bħala komunità: żewġ seminaristi fl‑ewwel sena
‑ Adam Camilleri (in‑Naxxar) u Joseph Farrugia (il‑Gudja) – flimkien ma’ Anis Riahi
(Marsaskala), Daniel Abela (Ħad‑Dingli), Luke Vella (Ħaż‑Żabbar), Marvic Mallia (l‑Imqabba)
u André Psaila (Kristu Re, Raħal Ġdid). Adam Baldacchino (San Girgor, Tas‑Sliema) qed
jagħmel l‑esperjenza tas‑sena barra u għandna magħna lis‑seminarista René Brandýs
mis‑Slovakkja.
Napprezzaw li qed takkumpanjawna f’dan il‑vjaġġ – sakemm inħobbu bil‑qalb ta’ Ġesù.

