Dejjem kelli mħabba speċjali lejn il‑pajjiżi tal‑Ażja u meta bdejt il‑mixja tiegħi fis‑Seminarju dejjem ħarist lejn ir‑raba’ sena bħala spazju li fih stajt nagħmel esperjenza f’xi knisja fl‑Ażja. Kelli x‑xewqat tiegħi, imma l‑Mulej offrieli esperjenzi ħafna isbaħ f’erba’ esperjenzi differenti fi tliet pajjiżi differenti: fil‑Malażja, it‑Tajwan u t‑Tajlandja. Fil‑Malażja u t‑Tajwan għext disa’ xhur ta’ esperjenzi pastorali differenti. Fit‑Tajlandja kelli esperjenza profonda ta’ Alla waqt irtir Injazjan ta’ xahar sħiħ.
Jekk ikolli nirrakkonta l‑esperjenzi kollha għandi fejn nikteb ktieb. Li naf żgur li hemm iltqajt ma’ Knisja ġeneruża, fejn mhux biss qatt ma naqasni xejn, imma tawni iktar milli kelli bżonn. Sibt wkoll Knisja mimlija bil‑ferħ veru tar‑relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù u sens ta’ komunità ħajja flimkien ma’ Ġesù. Matul din is‑sena erġajt skoprejt f’dawl ġdid x’jiġifieri tkun Nisrani mimli ferħ veru. Li titbissem il‑ħin kollu, mhux għax iblah, imma għax mimli bil‑paċi ta’ Ġesù f’qalbi.
Bnejt ħafna relazzjonijiet sbieħ tul din is‑sena u kienet avventura twila fejn tgħallimt u kbirt b’mod uman u spiritwali. ’Il bogħod mid‑dar tgħallimt inħobb iżjed l‑għeruq tiegħi, filwaqt li komplejt nissaħħaħ b’tant imħabba li rċevejt, u li stajt qsamt ma’ dawn in‑nies. U fejn fit‑trufijiet tal‑art sibt iċ‑ċentru ta’ ħajti: Ġesù li jkompli jsejjaħli.

