Il-Vjaġġ tas-Seminarista

Iż-żmien tal-formazzjoni fis-Seminarju

Il-missjoni tas-Seminarju hija li takkumpanja u tifforma lis-seminaristi sabiex iwieġbu s-sejħa t’Alla għas-saċerdozju bl-għotja ta’ ħajjithom: b’ħajja umana sabiħa, b’intelliġenza sabiex tidħol fi djalogu ħalli twassal il-verità, b’imħabba pastorali u kreattiva.

Is-Seminarju jaqdi din il-missjoni f’kuntest ta’ komunità, fi proċess ta’ numru ta’ snin, b’mod ħolistiku.

F’kuntest ta’ komunità

Huwa fil-kuntest ta’ komunità ħajja li s-seminarista jista’ japprezza lilu nnifsu u jaqdi l-missjoni tiegħu biex jibni l-Knisja bħala saċerdot. Għalhekk bħala Seminarju nagħtu importanza lil dawn l-elementi:

  • Rabta mal-Knisja f’Malta immarkata mill-kultura Mediterranja, storja twila ta’ fidi mibnija fuq l-evanġelizzazzjoni ta’ San Pawl f’Malta, u l-element Marjan;
  • Il-karattru tal-qassis Malti bħala qassis viċin tan-nies;
  • L-għixien fi ħdan komunità formattiva fil-binja tas-Seminarju;
  • Il-qrubija għall-esperjenza ta’ realtajiet pastorali varji: parroċċi, għaqdiet u movimenti, realtajiet djoċesani u oħrajn;
  • Ir-realtajiet tas-soċjetà Maltija fit-tibdiliet li għaddejja minnhom;
  • Ir-rabta mal-Knisja unversali.

Fi proċess li jieħu numru ta’ snin

  1. il-fażi Propedewtika (Jannar – Awwissu): f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u bl-għajnuna ta’ nies professjonali, meta persuna titlob li tiġi aċċettata fis-Seminarju  ssir valutazzjoni tagħha mill-aspett spiritwali, pastorali u psikoloġiku. Matul iż-żmien Propedewtiku il-kandidati jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jikbru fil-ħajja ta’ talb u ta’ dixxerniment sabiex jagħarfu aħjar is-sejħa tagħhom u japprezzaw aktar fil-fond it-tifsira tas-saċerdozju fil-Knisja illum.
  2. il-fażi tad-Dixxipulat hija twila tliet snin u tiffoka prinċipalment fuq il-maturazzjoni umana tal-persuna u t-tisħiħ tar-relazzjoni tal-fidi fil-Mulej. Matul dawn l-ewwel tliet snin il-kandidati jistudjaw il-Filosofija it-Teoloġija u xi ftit Psikoloġija u Soċjoloġija;
  3. is-sena intermedjarja ssir fir-raba’ sena tal-formazzjoni tas-Seminarju Maġġuri. Matul din is-sena s-seminarista jkun barra mis-Seminarju u jagħmel esperjenzi ta’ xogħol u ta’ missjoni li jgħinuh fid-dixxerniment vokazzjonali tiegħu;
  4. il-fażi tal-Konfigurazzjoni hija twila sentejn u matulha s-seminarista jitwaħħad aktar ma’ Kristu fqir, ubbidjenti u ċelibi, fl-offerta tiegħu nnifsu biex jaqdi lill-Poplu tiegħu fil-ministeru saċerdotali. F’dan iż-żmien isiru l-Ammissjoni, l-għoti tal-Ministeru tal-Lettorat u tal-Akkolitat, u l-Ordinazzjoni Djakonali. Matul dan iż-żmien is-seminaristi jagħmlu Masters fit-Teoloġija;
  5.  il-fażi Pastorali jew tas-Sintesi Vokazzjonali tkopri l-aħħar sena tas-Seminarju fejn id-djaknu jkun preżenti aktar f’parroċċa u jkun jista’ jeżerċita l-ministeru tiegħu u jħejji ruħu għall-Ordinazzjoni Presbiterali. Matul din is-sena id-djaknu jibda Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.

Formazzjoni b’mod ħolistiku

Il-qassis, permezz tal-ordinazzjoni, imsejjaħ u jingħata l-qawwa sabiex jaġixxi fil-persuna ta’ Kristu, r-Ras u r-Ragħaj tal-Knisja. Alla jagħmel għażla li jkompli jasal għand il-bnedmin permezz ta’ bnedmin oħra. Dan l-att ta’ fiduċja kbira ta’ Alla fil-bniedem inwieġbu għalih b’impenn sabiex l-umanità fraġli tagħna ssir mezz biex il-bnedmiin jiltaqgħu mal-imħabba ta’ Kristu Ragħaj. Għal dan il-għan issir emfasi partikulari fuq dawn l-oqsma:

Formazzjoni Umana: din toffri pedament għal stil ta’ kif wieħed jgħix ta’ bniedem b’personalità ekwilibrata li jista’ jħobb b’mod matur u responsabbli;

Formazzjoni Spiritwali: din toffri r-ruħ li ssostni l-ħajja konkreta tal-qassis skont l-Ispirtu ta’ Kristu;

Formazzjoni Intellettwali: din tagħti t-tħejjija meħtieġa lis-seminaristi sabiex ixandru l-Evanġelju b’mod kredibbli u li jiftiehem.

Formazzjoni Pastorali: l-għan aħħari huwa li jgħin lis-seminarista jikber fil-ħeġġa u jiżviluppa l-ħiliet sabiex jaqdi fi “Knisja li tixtieq toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd bil-musbieħ tal-Vanġelu mixgħul f’idejha” (Papa Franġisku).