It-tema tas-sena

U baqa’ sejjer, miexi, miexi!

Wegħda

Fir-rakkont ta’ Abram joħroġ ċar li s-sigriet huwa l-wegħda t’Alla: wegħda ta’ art li Abram għadu ma rax; wegħda ta’ nisel meta martu Sara hija sterili; wegħda li ma tinkludi ebda sigurtà ħlief il-fiduċja f’min qed jagħmilha. “Qum u itlaq minn artek … lejn l-art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek. U int tkun barka.” (Ġenesi 12, 1-2)

Abram għaraf jadura lil Alla waħdu, poġġa l-fiduċja sħiħa fih u ħalla l-qalbu titmexxa mill-wegħda tiegħu. Fiduċja li għamlitu kapaċi joħlom kbir, lil hinn mill-ħolm żgħir ta’ żmienu. Fiduċja li għenitu jibqa’ jfittex u jieħu deċiżjonijiet tajbin anke meta ma kienx qed jara riżultati. Għenitu jkun pellegrin – miexi lejn destinazzjoni sigura – mhux vagabond – jiġri wara r-riħ!

Komunità b’wegħda

Aħna wkoll bħala komunità tas-Seminarju imsejħin biex nibqgħu miexja:

  • b’fiduċja sħiħa f’Alla li impenjat li jwassal barka permezz tas-saċerdot djoċesan.
  • b’fiduċja fil-futur li Alla qed iħejji: għalhekk nistudjaw ir-realtajiet ġodda fid-dawl tal-Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja.
  • b’fiduċja fil-persuni konkreti li l-Mulej jistedinna nimxu magħhom fil-Knisja: għalhekk stedinna familja tmexxina fit-talb tal-Lectio Divina; stedinna saċerdoti biex jaqsmu magħna esperjenzi ta’ kif twassal l-Evanġelju f’realtajiet ġodda.

Nibqgħu mexjin!