Il-Ħadd | It-Tnejn | It-Tlieta | L-Erbgħa | Il-Ħamis | Il-Ġimgħa | Is-Sibt
Il-Ħadd
Għ I – Mulej, Int li minn fuq is-Salib tajtna lil Ommok Marija:- agħmel li tkun hi l-Omm ta’ dawk kollha li Int qed issejjaħ huma u jagħrfu s-sejħa li qed tagħmlilhom.
T – Missier Qaddis, int ridt li permezz ta’ Ibnek iġġib is-salvazzjoni għall-bnedmin kollha: – imla’ bil-kuraġġ lil dawk li qed issejjaħ biex ikunu saċerdoti u missjunarji, biex bl-“iva” tagħhom, ħafna nies isibu t-triq għas-salvazzjoni.
Għ II – Mulej Ġesù, li trabbejt fi ħdan il-Familja ta’ Nażaret: – agħmel li l-familji tagħna jkunu benniena ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.
It-Tnejn
T – Missier Qaddis, int tgħallimna t-Triq tal-Ħajja permezz ta’ Ibnek Ġesù: – agħmel li l-membri kollha tal-knisja jagħrfu jgħixu s-sejħa partikolari li inti tagħmillhom għall-ġid ta’ l-istess knisja.
Għ – Mulej Ġesù, int għażilt bnedmin dgħajfa biex ikunu dejjem fil-preżenza tiegħek u jaqdu f’ismek: – agħti l-kuraġġ meħtieġ lil dawk iż-żgħażagħ li qegħdin jisimgħu s-sejħa tiegħek sabiex jirrispondu għaliha bil-qalb.
It-Tlieta
T – Missier qaddis, int bgħatt il-profeti biex imexxu lill-poplu tiegħek, u fil-milja taż-żmien bgħattilna lil Ibnek: – ibgħatilna illum rgħajja biex imexxu l-poplu tiegħek fit-triq tas-sewwa.
Għ – Mulej Ġesù, li kont tgħaddi ħin twil f’intimità mal-Missier: – agħmel li ż-żgħażagħ jikbru f’din l-intimità miegħek filwaqt li jiskopru s-sejħa tiegħek għalihom.
L-Erbgħa
T – O Alla Missier, li bgħatt lil Ibnek fuq l-art biex iwassal il-Kelma tiegħek: – sejjaħ persuni biex ikomplu dan il-ministeru fid-dinja tagħna.
Għ – Kristu, int għoġbok tagħni l-ġżejjer tagħna bil-preżenza u l-ministeru tas-saċerdot San Ġorġ Preca: – agħmel li x-xhieda tas-saċerdoti u s-seminaristi tqanqal vokazzjonijiet ġodda.
Il-Ħamis
T – O Alla Missier, itfa’ ħarstek fuq it-tfal u ċ-ċkejknin: – agħmel li minn età ċkejkna jkunu ffurmati biex ifittxu r-rieda tiegħek.
Għ. Mulej Ġesù, int bqajt magħna fl-Ewkaristija: – agħmel li aktar żgħażagħ joffru lilhom infushom biex jaqduk fl-oħrajn.
Il-Ġimgħa
T – Alla Missier, int tiġborna flimkien fil-Knisja tiegħek: – agħmel li l-għaqdiet tagħna jkunu mixtla ta’ vokazzjonijiet ġodda.
Għ – Mulej Ġesù, li ġibtilna l-paċi permezz tad-demm tiegħek imxerred fuq is-salib: – agħżel ħafna saċerdoti minn fost il-poplu tiegħek li jwasslu l-maħfra tiegħek lil dawk li tbiegħdu minnek.
Is-Sibt
T – O Alla Missier, bħalma int sejjaħt lil Marija, nitolbuk issejjaħ aktar żgħażagħ ġenerużi: – li bħal Marija jwieġbu bl-“iva” tagħhom għas-sejħa li qed tagħmlilhom.