Is-Seminarju jipprova jħejjina għad-dinja ta’ barra minn ħafna rkejjen hekk li jlaqqagħna mar-realtajiet u t-talbiet tal-poplu fil-ħajja tal-lum. Minn żmien għal żmien, ikollna fostna mistiedna illi jiġu jkellmuna dwar suġġetti differenti kif ukoll imħallta; mhux biss li għandhom x’jaqsmu mal-aspett spiritwali iżda wkoll fuq l-hekk imsejħa, ‘ta’ kuljum’!
Din id-darba kien imiss li nitħaddtu dwar kif wieħed jista’ jippromwovi l-prodott tiegħu lin-nies hekk li jiċċara u jfisser l-għan u l-użu tiegħu fost l-oħrajn. Minkejja li s-Seminarju ma jagħmilx prodotti materjali, għandu għal qalbu s-sejħa għall-vokazzjonijiet ġodda u kif jista’ jgħin lil dawk li qegħdin jikkunsidraw is-saċerdozju b’għażla għal ħajjithom. Għalhekk, bħala komunità, ħassejna l-ħtieġa illi ninfurmaw aktar ruħna kif nistgħu nħajru aktar żgħażagħ, -speċjalment ġuvintur – biex jagħrfu aħjar is-sejħa li Alla jagħmlilhom fil-ħajja Nisranija tagħhom. Magħna biex ifissrilna aħjar u b’mod prattiku dawn il-metodi, kellna lis-Sur Silvio Galea illi huwa persuna b’esperjenza fil-qasam tas-suq u l-promozzjoni. Il-laqgħa kienet waħda varjata, djalogali u li laqtet mhux ftit lilna s-seminaristi u l-animaturi fit-twettiq ta’ dmirijietna fis-seminarju.
Nirringrazzjaw lis-Sur Galea talli għoġbu jaqsam magħna ħafna informazzjoni għal kull ġid f’din il-mixtla li ngħixu fiha u d-dinja li hi ħolqien ta’ Alla!