Kemm taf tkun differenti ħajtek u l-ħajja tal-Knisja f’pajjiżna, jekk ikun hawn iktar vokazzjonijiet! Alla ħalaqna għal skop partikolari. Ilkoll għandna triq magħmula għalina biex nimxu wara Ġesù. Din it-triq insejħulha ‘vokazzjoni’.
Ħafna żgħażagħ x’aktarx jiżżewġu u jkollhom il-familja tagħhom. Hemm il-ħajja reliġjuża, li hija mibnija fuq sejħa għal ħajja mogħtija lil Alla f’komunità skond skop (kariżma) partikolari.
Imma l-bażi tal-ħidma fid-djoċesi hi mwettqa mis-saċerdoti djoċesani li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies li jgħixu f’lokalità msejħa ‘djoċesi’ (għalhekk l-isem ‘djoċesani’; Malta hija djoċesi). Bħala saċerdoti naħdmu bħala tim, immexxi mill-Arċisqof (li hu dak responsabbli mid-djoċesi). Dan il-ministeru djoċesan ilu għaddej minn żmien l-Appostli. Il-biċċa l-kbira tas-saċerdoti djoċesani jaħdmu fil-parroċċi. Bosta drabi jkunu huma l-ewwel punt ta’ kuntatt bejn in-nies u l-Knisja. Is-Seminarju hu l-post fejn dawn iż-żgħażagħ jippreparaw lilhom infushom għal din il-ħidma sabiħa.
Int li qed iżżur dan is-site, jew li sibt ruħek hawn, forsi tistaqsi vokazzjoni kif tibda? Tibda billi xi ħadd jieħu azzjoni. U dan jolqot lilek ukoll. Għalhekk inħeġġek biex titlob li tfal u żgħażagħ ikollhom il-kuraġġ u l-ġenerożità li jgħidu ‘iva’ meta jkun il-waqt għalihom… Tista’ tgħin lil xi ħadd li taf biex iwieġeb ‘iva’ għas-sejħa tas-saċerdozju… Forsi tista’ tkun int stess… Min jaf? Jekk għandek bejn 17 u 35 sena… Jekk forsi għaddielek minn moħħok li tagħti ħajtek lil Alla… Tiqafx hawn. Jekk trid niltaqgħu, bil-qalb kollha.
Fr Michael Bellizzi