Żmien l-eżamijiet! X’naqbdu nsejħulu … żmien ta’ paniku, ta’ ansjetà jew forsi ta’ stress. Fuq kollox żmien fejn l-istudent jirrifletti minn dak kollu li jkun għadda matul is-semestru!
Bħala seminarista tal-ewwel sena, kienet l-ewwel darba tiegħi mhux biss li qed nagħmel l-eżamijiet l-università iżda wkoll l-ewwel
darba li kont qed nagħmel eżamijiet f’komunità. Ikolli ngħid li dan iż-żmien għinni napprezza ferm aktar ir-rigal tal-komunità.
Qabelxejn, apprezzajt ħafna l-għajnuna li rċevejt mis-seminaristi tas-snin ta’ qabli, kif ukoll is-sapport kontinwu tagħhom.
Kemm tgħamillek kuraġġ frażi żgħira ta’ xi ħadd minn sħabna, “Good Luck”, “Taqtax qalbek ta” jew inkella, “Kuraġġ, nitlob għalikom!”.
L-idea tiegħi kienet li dan iż-żmien mhux l-aktar żmien faċli li ngħixu fil-komunità bejnietna s-seminaristi. Madanakollu skoprejt kemm dan iż-żmien għinni nikber aktar f’din il-komunità li mhix xi struttura iżda hija magħmula minn aħwa li lesti li jgħinu lil xulxin. Kienet ħafna ta’ għajnuna wkoll il-fatt li kull eżami ma kontx qed nagħmlu waħdi, u għalhekk ilkoll konna qegħdin fl-istess dgħajsa. Għaldaqstant, mhux aktar infittex li jien immur tajjeb, imma li sħabi tal-kors, bħala grupp, infittxu l-ġid ta’ xulxin.
Filwaqt li nirringrazzja ħafna lil sħabi talli għexna dan iż-żmien flimkien, nirringrazzja bil-bosta lill-Mulej tad-don prezzjuż tal-komunità!