Wara xahar ta’ impenn li ġabu għal darb’oħra l-eżamijiet u l-istudju għalihom, bejn il-Ġimgħa 14 u l-Ħadd 16 ta’ Frar, sarrafna
f’mistrieħ dak li ħdimna għalih. Din ta’ Għawdex, hija tradizzjoni għalina s-seminaristi li ta’ kull sena wara l-eżamijiet insibu wkoll spazju fejn nissaħħu mill-ġdid individwalment kif ukoll bħala komunità fl-istess waqt.
Din is-sena għażilna li nerħulha lejn il-lokalità taż-Żebbuġ f’post tal-irtiri li għandhom is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) hemmhekk.
Irridu ngħidu li għad li konna għall-mistrieħ, il-mument ta’ talb ma naqasx.
Min-naħa l-oħra, lanqas ma nqasna minn waqtiet ta’ avventura, hekk ngħidu aħna dak tas-Sibt filgħodu meta flimkien żorna l-knisja tal-Madonna Ta’ Pinu fejn iċċelebrajna l-quddiesa u wara morna nimxu mixja twila qalb il-ħdura u l-arja friska f’xemx issellem bir-raġġi tagħha. Aktar tard kien hemm uħud minna li marru jilagħbu logħba futbol fi grawnd fil-qrib.
Filgħaxija għal mument ieħor ta’ talb, żorna wkoll is-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù li tagħhom Madre Margerita de Brincat hi l-fundatriċi u li dan l-aħħar ukoll inbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni tagħha. Temmejna dan il-jum b’ikla flimkien.
L-għada l-Ħadd filgħodu, fin-Nadur, ħadna sehem f’quddiesa flimkien mal-parruċċani u li fiha kkonċelebraw l-animaturi tagħna flimkien mal-qassisin tal-post. Apprezzajna ferm il-mod ħelu kif ġejna milqugħa mill-parruċċani tan-Nadur filwaqt li wegħedna t-talb tagħna lil xulxin.