Niddjaloga biex inti tagħraf dak li nagħraf jien

Din hija waħda mill-lectio divina li ssir kull ħmistax madwar waħda mit-temi li qegħdin niffukaw fuqhom bħala komunità din is-sena.  Din il-lectio divina partikolari hi fuq “id-djalogu” u bħala silta mill-Iskrittura tieħu d-diskors ta’ Pawlu fl-Arjopagu (Atti 17, 22-34). Ir-riflessjonijiet ta’ hawn taħt huma ta’ Rev Paul Sciberras. 

MEDITATIO

Attitudni: Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.

Il-mistoqsija li tmexxina F din it-tieni targa tal-Lectio Divina hi:

X’qiegħed jgħidli/lilna Alla permezz ta’ dan it-test?

[BĦALA INDIVIDWI, GRUPP, PARROĊĊA, DJOĊESI…]

  • Qatt ħsibt li l-fidi hija esperjenza, u hija dik l-esperjenza li trid tgħaddi lill-0ħrajn?
  • Tikkonvinċi ruħek mill-istess studju tal-Evanġelji [Three Stages of Gospel Formation] li l-ġrajja storika, li hija l-qofol tal-fidi tiegħek, hija grajja li twasslet bħala esperjenza/tweġiba għall-bżonnijiet tal-fidi tal-ewwel komunitajiet ipprattikata mill-Appostli u l-ewwel xhieda okulari, imbagħad li twasslet miktuba bħala esperjenza wkoll mill-Evanġelisti, bħalma tgħallimna l-Istruzzjoni dwar l-Istoriċità tal-Evangelji (1964) tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika u Dei Verbum #19?
  • Fl-eżami tal-kuxjenza (bħala conscience u consciousness) tiegħek, issib fik innifsek u fl-esperjenza tal-fidi tiegħek it-tweġiba għall-mistoqsija: għaliex madwari Alla mhux magħruf, jew mhux magħruf biżżejjed?
  • Fl-imħabba tiegħek għal Kristu Ġesù (għax San Pawl qalilna li hija “l-imħabba ta’ Kristu li ssuqna” – 2Kor 5,14), liema djalogu kontinwu tixtieq toħloq mad-dinja ta’ madwarek? X’qiegħed iżommok milli tasal?