F’ din it-tieni minn sensiela ta’ ħsibijiet għar-Randan, ispirati mill-Messaġġ tal-Papa għal dan iż-żmien, niffukaw fuq il-misteru ta’ Alla – li – sar – bniedem. Tassew, l-inkarnazzjoni hija l-eżempju per eċċellenza tal-faqar veru.
Qabel xejn jgħidulna liema hu l‑istil ta’ Alla. Alla ma jinqediex bil‑mezzi tal‑qawwa u tal‑għana tad‑dinja biex juri ruħu, imma b’dawk tad‑dgħufija u tal‑faqar: “Għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom…”. Kristu, l‑Iben etern ta’ Alla, ħaġa waħda mal‑Missier fil‑qawwa u l‑glorja, ftaqar; niżel fostna, ġie qrib ta’ kull wieħed u waħda minna; tneżża’, “tbattal”, biex f’kollox ikun bħalna (ara Fil 2:7; Lhud 4:15). X’misteru kbir hu l‑inkarnazzjoni ta’ Alla! Imma r‑raġuni wara dan kollu hi l‑imħabba divina, imħabba li hi grazzja, ġenerożità, xewqa li tkun qrib tagħna, u ma tehda qatt tingħata u tissagrifika ruħha għall‑ħlejjaq li hi tħobb. Il‑karità, l‑imħabba tfisser li f’kollox taqsam fix‑xorti ta’ min tħobb. L‑imħabba tagħmilna simili għal xulxin, toħloq ugwaljanza, iġġarraf il‑ħitan u d‑distanzi. U dan li għamel Alla magħna. Ġesù, fil‑fatt, “ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’intelliġenza ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled minn Marija Verġni, sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid‑dnub” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 22).
L‑għan li għalih Ġesù sar fqir mhuwiex il‑faqar fih innifsu, imma – jgħid San Pawl – “…biex intom tistagħnu permezz tal‑faqar tiegħu”. Dan mhux logħob bil‑kliem, xi espressjoni li tiġbed l‑għajn! Imma hi sintesi tal‑loġika ta’ Alla, il‑loġika tal‑imħabba, il‑loġika tal‑Inkarnazzjoni u tas‑Salib. Alla ma qabadx u xeħet fuqna s‑salvazzjoni mill‑għoli, bħall‑karità ta’ min jagħti miż‑żejjed tiegħu bi pjetiżmu filantropiku. Mhijiex din l‑imħabba ta’ Kristu! Meta Ġesù niżel fl‑ilmijiet tal‑Ġordan u tgħammed minn Ġwanni l‑Battista, dan m’għamlux għax kellu bżonn tal‑penitenza, tal‑konverżjoni; għamlu biex jidħol qalb in‑nies, li għandha bżonn tal‑maħfra, fostna l‑midinbin, biex jerfa’ fuqu t‑toqol ta’ dnubietna. Din hi t‑triq li għażel biex ifarraġna, jifdina, jeħlisna mill‑miżerja tagħna. Jolqotna dak li jgħid l‑Appostlu li aħna ġejna meħlusa mhux permezz tal‑għana ta’ Kristu, imma permezz tal‑faqar tiegħu. Madankollu, San Pawl jaf sewwa “l‑għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu” (Efes 3:8) ta’ Kristu, “werriet ta’ kollox” (Lhud 1:2).