Mixja ta’ konverżjoni

Għal matul ir-Randan ta’ din is-sena, bħala komunità se nkunu qegħdin nirriflettu fuq il-messaġġtal-Papa għar-Randan, “…ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal‑faqar tiegħu” (2 Kor 8:9). Nistiednukom sabiex tissieħbu magħna f’din “il-mixja ta’ konverżjoni”.

Għeżież ħuti,

fl‑okkażjoni tar‑Randan, qed noffrilkom xi riflessjonijiet, biex jistgħu jservu ta’ għajnuna fil‑mixja personali u komunitarja ta’ konverżjoni. Nieħu spunt mill‑espressjoni ta’ San Pawl: “Intom tafu l‑grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal‑faqar tiegħu” (2 Kor 8:9). L‑Appostlu jdur fuq l‑Insara ta’ Korintu biex jagħmlilhom il‑qalb ħa jkunu ġenerużi fl‑għajnuna tagħhom lill‑fidili ta’ Ġerusalemm li kienu jinsabu fil‑bżonn. Xi jridu jgħidulna, lilna l‑insara tal‑lum, dawn il‑kelmiet ta’ San Pawl? X’qed tgħid lilna llum l‑istedina għall‑faqar, għal ħajja fqira fis‑sens Evanġeliku?

***

Għeżież ħuti, dan iż‑żmien tar‑Randan isib lill‑Knisja kollha disposta u mħeġġa biex, quddiem dawk kollha li qed jgħixu fil‑miżerja materjali, morali u spiritwali, tagħti xhieda tal‑messaġġ tal‑Evanġelju, li nistgħu niġbruh fit‑tħabbira tal‑imħabba tal‑Missier ħanin, lest biex fi Kristu jgħannaq miegħu lil kull persuna. Dan nistgħu nagħmluh daqskemm inkunu konformi ma’ Kristu, li ftaqar biex bil‑faqar tiegħu stajna nistagħnu aħna. Ir‑Randan hu żmien tajjeb biex nitneżżgħu; u jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna minn liema ħwejjeġ nistgħu niċċaħħdu biex ngħinu u nagħnu lil oħrajn bil‑faqar tagħna. Ma ninsewx li l‑faqar veru jweġġa’: l‑ebda ċaħda ma tkun tiswa mingħajr din id‑dimensjoni penitenzjali. Ma nemminx fl‑elemożina li ma tiswiena xejn u li ma tweġġax.

L‑Ispirtu s‑Santu, li bih “[aħna] bħal nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħal nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna” (2 Kor 6:10), iwieżen dawn l‑intenzjonijiet tagħna u jsaħħaħ fina l‑attenzjoni u r‑responsabbiltà fil‑konfront tal‑miżerja umana, biex insiru ħanina u operaturi tal‑ħniena. B’dan l‑awgurju, niżgurakom mit‑talb tiegħi biex kull min jemmen u kull komunità ekkleżjali tagħmel din il‑mixja tar‑Randan li tħalli l‑frott, u nitlobkom titolbu għalija. Jalla l‑Mulej iberikkom u l‑Madonna tħariskom.

Għajnuna għar-Riflessjoni

Liema huma dawk l-affarijiet li forsi għadek iżżomm għalik u li tista’ taqsamhom mal-oħrajn?
F’dan id-dawl, x’ser ikun l-impenn tiegħi għal matul ir-Randan?