Kienet tassew okkażjoni sabiħa li, flimkien ma’ numru sabiħ ta’ seminaristi oħra, kont preżenti għall-kanonizzazzjoni ta’ Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II fi pjazza San Pietru, Ruma fis-27 ta’ April 2014! Hemmekk, flimkien ma’ eluf ta’ nies li kienu preżenti fil-pjazza, għexna dak il-mument tant sabiħ ta’ meta l-Papa Franġisku ddikjara lil dawn iż-żewġ Papiet kbar qaddisin. Xħin il-Papa qara r-rit tal-kanonizzazzjoni, il-briju tal-ġemgħa nstema’ jidwi mal-pjazza kollha !
It-toroq ta’ Ruma laqgħu nies mill-ħames kontinenti għal dan l-avveniment u għalkemm sibna ruħna f’rassa kbira, is-sens qawwi ta’ ġabra u d-devozzjoni setgħu jinħassu matul il-quddiesa kollha. Fil-quddiesa, il-Papa Franġisku ġie ppreżentat relikwa b’parti mill-ġilda ta’ San Ġwanni XXIII u relikwa bid-demm ta’ San Ġwanni Pawlu II.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa ddeskriva lil San Ġwanni XXIII bħala l-Papa mmexxi mid-doċilità tal-Ispirtu s-Santu u lil San Ġwanni Pawlu II bħala l-Papa tal-familji. Ħaġa komuni għal dawn il-Papiet kienet it-tama u l-ferħ li ż-żewġ qaddisin irċevew minn Kristu Rxoxt u li huma taw b’abbundanza lill-Poplu t’Alla.
Nitolbu lil dawn iż-żewġ Papiet qaddisin biex niddakkru mill-valuri qaddisa tagħhom l-aktar matul dan iż-żmien ta’ formazzjoni lejn is-saċerdozju.
San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II, itolbu għalina!