Pass ieħor lejn is-Saċerdozju!

lettorat

Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ta l-Ministeru tal-Lettorat lil ħames seminaristi, waqt Quddiesa fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Bambina, in-Naxxar.

Meta Alla ħalaq il‑bniedem, sa mill‑bidu nett huwa xtaq li jidħol f’komunikazzjoni miegħu u jurih l‑imħabba kbira li għandu għalih. Dan kollu deher b’mod qawwi meta Alla bagħat lil Ibnu Ġesù fid‑dinja, biex iwassal lill‑bniedem l‑Aħbar it‑Tajba li permezz tagħha seta’ jsib it‑triq għas‑salvazzjoni. Fil‑Bibbja hija propju din l‑istess aħbar tajba li nsibu u li nistgħu naqraw permezz ta’ kliem li nifhmu.

Is‑saċerdot huwa fid‑dmir li jsir midħla kemm jista’ jkun ta’ din l‑aħbar tajba u jxandarha lil kull min jiltaqa’ miegħu biex ħafna nies jiskopru din l‑imħabba t’Alla għalihom. Għaldaqstant, fit-triq lejn  is-saċerdozju jasal il-waqt fejn is-seminarista jwiegħed li se jieħu bis‑serjetà iktar minn qabel ir‑responsabbiltà li jkun jaf sewwa din l‑Aħbar u jwassalha lil kull min jiltaqa’ miegħu. Dan iseħħ b’mod uffiċċjali fl‑għoti tal‑Ministeru tal‑Lettorat. Permezz ta’ dan il‑ministeru, is‑seminarista jsir għalhekk qarrej uffiċċjali tal‑Kelma t’Alla waqt il‑quddies u waqt ċelebrazzjonijiet oħra, u jkollu r‑responsabbiltà li jxandarha permezz tal‑katekiżmu u kif ukoll bl‑eżempju tal‑ħajja tiegħu.

Jien u sħabi nħossuna grati ħafna għal dak li l‑Mulej qiegħed ikompli jagħmel magħna, u fuq kollox li wasalna biex għamilna dan il‑pass ieħor importanti fil‑mixja tal‑vokazzjoni tagħna. Nitolbukom sabiex iżżommuna fit‑talb tagħkom ħalli filwaqt li nkomplu ngħożżu dejjem iżjed is‑sejħa li qiegħed jagħmlilna Ġesù, nkunu xhieda ħajja ta’ din il-Kelma u nwassluha kull fejn inkunu.

                                                                Nitolbu għal xulxin,
Sergio, Mark, Claude, James, Gilbert