Sitt xhur wara li kien ordnat djaknu, u propju ftit ġimgħat qabel ma jkun ordnat saċerdot, Rev. Luke Cutajar jaqsam magħna l-esperjenza tiegħu ta’ x’fissret għalih li hu djaknu.
“Mhux intom għażiltuni imma jien għażiltkom biex tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’,” qalilna Ġesù fl-Evanġelju. Nemmen li l-Mulej isejjaħ lil kulħadd għaliex kulħadd għandu sehem fil-pjan ta’ Alla. Lili sejjaħli għal din il-missjoni u kuntent ħafna. Żgur li l-Mulej jagħtina l-għajnuna meħtiega biex nagħmlu l-frott. Ma jfissirx li ssir ħaġa faċli, anzi l-isfidi li ġġib magħha missjoni bħal din iġiegħluna neħduha bis-serjetà u b’responsabbiltà. Sfidi bħal l-għixien taċ-ċelibat b’mod li jagħti l-ħajja, fi mħabba awtentika u miftuħa għal kulħadd, id-dmir lejn is-superjuri tiegħi, eċċ… Però, l-ikbar sfida hija li nibqa’ nafda fil-Mulej – il-bqija jiġi wara.
Bħala djaknu jeħtieġ li naqdi. Naqdi lil min? Lill-bnedmin, flimkien mal-Isqof u s-saċerdoti li jaqdu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Però dan immexxi mill-Kelma t’Alla li nirċievu bħala Knisja, u li rridu nilqgħuha u ngħixuha biex inħabbruha u nkunu xhieda tagħha. Din il-Kelma tasal ukoll għand il-poplu t’Alla fl-Ewkaristija, l-akbar rigal li jsostnina, speċjalment lil min għaddej mit-tbatija. Bħala djaknu ngħin ukoll fil-bini tal-komunità u fl-imħabba lejn il-persuni.