Mela x’inhu dan il‑faqar li bih Ġesù jeħlisna u jagħmilna għonja? Hu sewwa sew il‑mod tiegħu ta’ kif iħobbna, ta’ kif isir proxxmu tagħna bħas‑Samaritan it‑Tajjeb li jersaq lejn dak ir‑raġel li ħallew għal mejjet fuq il‑ġenb tat‑triq (ara Lq 10:25ss). Dak li jagħtina l‑veru ħelsien, il‑vera salvazzjoni u l‑veru ferħ hu l‑imħabba tiegħu kollha ħniena u ħlewwa, dejjem lesta li taqsam mal‑oħrajn. Il‑faqar ta’ Kristu li bih nistagħnew hu sewwa sew li sar ġisem, li ħa fuqu d‑dgħufijiet tagħna, id‑dnubiet tagħna, u hekk uriena l‑ħniena bla tarf ta’ Alla. Il‑faqar ta’ Kristu hu l‑akbar għana: Ġesù hu għani fil‑fiduċja bla qies tiegħu f’Alla l‑Missier, għax jafda fih il‑ħin kollu, u jfittex dejjem u biss ir‑rieda tiegħu u l‑glorja tiegħu. Hu għani bħalma hu tfajjel li jħossu maħbub u jħobb lill‑ġenituri tiegħu u lanqas għal waqt wieħed biss ma jiġih dubju minn imħabbithom u tjubithom għalih. L‑għana ta’ Ġesù qiegħed fil‑fatt li hu l‑Iben, ir‑relazzjoni unika tiegħu mal‑Missier hi l‑prerogattiva sovrana ta’ dan il‑Messija fqir. Meta Ġesù jistedinna biex nieħdu fuqna l‑“madmad ħelu” tiegħu, hu qed jistedinna nistagħnew b’dan il‑“faqar għani” u “għana fqir”, biex naqsmu miegħu l‑Ispirtu filjali u fratern tiegħu, biex insiru wlied fl‑Iben, aħwa fil‑Kbir fost ħafna aħwa (ara Rum 8:29).
Intqal li l‑uniku veru swied il‑qalb hu li ma nkunux qaddisin (L. Bloy); nistgħu ngħidu wkoll li hemm biss miżerja waħda vera: li ma ngħixux ta’ wlied Alla u ta’ aħwa ta’ Kristu.
Ix‑xhieda tagħna
Nistgħu naħsbu li din it‑“triq” tal‑faqar kienet it‑triq ta’ Ġesù, filwaqt li aħna, li ġejna warajh, kapaċi nsalvaw id‑dinja b’mezzi umani adegwati. Mhuwiex hekk. F’kull żmien u f’kull post, Alla jissokta jsalva lill‑bnedmin u d‑dinja permezz tal‑faqar ta’ Kristu, li jsir fqir fis‑Sagramenti, fil‑Kelma u fil‑Knisja tiegħu, li hi poplu tal‑foqra. L‑għana ta’ Alla ma jistax titgħadda permezz tal‑għana tagħna, imma dejjem u biss permezz tal‑faqar tagħna, personali u komunitarju, mogħti l‑ħajja mill‑Ispirtu ta’ Kristu.