Il-Colloquium of European Parishes (CEP) jiltaqa’ kull sentejn biex jiddiskuti tema li tkun tinteressa l-ħajja Nisranija fil-pajjiżi differenti li aħna ġejjin minnhom. Għal dan iċ-CEP jattendu rappreżentanti minn kważi kull pajjiż Ewropew: Franza, l-Italja, il-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Ungerija, l-Ukrajna, l-Awstrija, il-Litwanja, l-Ingilterra u oħrajn. Fiċ-CEP jieħdu sehem kemm saċerdoti kif ukoll lajċi impenjati fil-parroċċi minn fejn ġejjin. Il-ħidma tiegħi bdiet b’laqgħa f’Liege, il-Belġju f’Marzu li għadda fejn id-delegazzjoni Maltija, ippreżentajna il-programm taċ-CEP f’Malta lill-presidenza u l-koordinaturi tal-pajjiżi rispettivi.
Permezz tal-involviment tiegħi fiċ-CEP, napprezza kif minkejja l-ħafna lingwi, (hawn xogħol it-tradutturi huwa indispensabbli) iżda għax magħqudin f’fidi waħda ta’ Ġesù Kristu, din il-fidi tissupera kwalunkwe barriera ta’ lingwa. Matul il-ħidma barra minn Malta, fiż-żjajjar fi bliet u f’villaġġi differenti fhimt aktar x’jiġifieri li l-Ewropa ma tista’ qatt tinsa’ l-għeruq Insara tagħha. Dan ħassejtu l-aktar waqt li vvjaġġajna overland minn belt għall-oħra u tara l-ammont ta’ knejjes anke fl-aktar villaġġi remoti u simboli oħrajn marbutin mal-fidi. Dawn l-avvenimenti servew għalija biex nitgħallem kemm dwar il-persuni u l-ħidmiet tagħhom kif ukoll dwar il-ħidma tal-Knisja fir-realtajiet differenti madwar l-Ewropa. Il-fatt li l-parteċipanti jiġu kemm mill-Punent kif ukoll mil-Lvant tal-Ewropa, għenuni nirrifletti wkoll dwar kemm iż-żewġ tradizzjonijiet għandhom x’ jitgħallmu minn xulxin!