Mulej, inti lil kull wieħed u waħda minna qed issejħilna għal xi ħaga. Qed issejħilna biex fil-hajja tagħna nagħmlu xi ħaga sabiħa ħafna. Imma biex inkunu nafu xi trid minna, Mulej urina kemm hu importanti li nkunu kapaci nisimgħu l-leħen tiegħek. Samwel kien qiegħed rieqed fit-tempju, vicin tiegħek. Aħna għandna x-xorti li nistgħu niġu quddiemek, Ġesu` Ewkaristija, kull meta trid. Għinna nindunaw kemm hu importanti li ngħixu fil-preżenza tiegħek, Ġesu`, biex meta tkun trid tgħidilna xi ħaga aħna nkunu nistgħu nisimgħuk.
Ġesu`, int tixtieq li ngħixu ħajja mill-isbaħ u li fiha nħobbu lil dawk kollha ta’ madwarna, biex ikollna din il-ħajja int qed issejjaħ oħrjan minna biex ikunu qassisin, patrijiet jew sorijiet. Żgur li bħalma għamilt ma’ Samwel, Mulej, int ħa tkun ma’ dawk kollha li jagħmlu dak li tgħidilhom int. Aħna, illum,qed nitolbuk tgħinna sabiex inkunu kapaci nisimgħuk. Nitolbuk ukoll biex bħalma Samuel sema’ mill-parir ta’ Għeli, hekk ukoll aħna insibu nies li għandhom esperjenza iktar minna, li jgħinuna nifmhu xi trid minna int u jagħtuna parir tajjeb.