F’lejl ta’ xitwa ġewwa Betlem

“F’lejl ta’ xitwa ġewwa Betlem…” Le! Mhux iżjed f’Betlehem… jew tal-anqas mhux f’Betlehem biss. M’għadux jitwieled F’Betlehem biss. Fil-Milied ma nfakkrux twelidu hemm biss. Dak kien elfejn sena ilu, avveniment tal-passat, parti minn żminijiet oħra… jew għadu żmienu? Ma nafx eżatt. Għax niġi bejn ħaltejn. Inħares fit-twieqi, fil-vetrini, fil-knejjes u fid-djar, u nilmaħ il-presepji u l-bambini mixgħulin, b’ilbies u b’dehriet ta’ żminijiet mbiegħda… Imma mbagħad naqla’ ħarsti minn fuq il-Bambin u l-presepju fit-twieqi jew fuq l-altar, u ndur lejn it-triq jew lejn il-ġemgħa fuq il-bankijiet tal-knisja u nara realtà oħra… realtà reali, tanġibli, li tħossha b’idejk u b’qalbek u tqanqallek ruħek… Nara tfal ċkejknin ħelwin jitbissmu, jnewħu jew ininnu, u ngħid “Qishom Bambin!” u niggustahom. Inħares ftit warajhom u nara ommijiet u missirijiet u nanniet iħarsu b’għajn li tindokra fuq uliedhom għeżież. U jfakkruni fil-Madonna, f’San Ġużepp, u fix-xwejħin Xmun u Anna. Imma wkoll nara nies għaddejja b’ħajja frenetika, miġnuna, imkissra u mgħaffġa taħt il-piż tal-ħajja, familji mifrudin, nies morda, muġugħa u mifnija mill-hemm u l-problemi tal-ħajja… u niftakar fil-kliem “Bħalna beka, bħalna feraħ waqt li għex fost il-bnedmin…” Tgħid veru? Tgħid din ukoll hi xi ħaġa tal-passat jew hi realtà, persuna, li għadha fostna, bħal dakinhar, bħal dak iż-żmien… Għadha fostna titbissmilna u tħares lejna b’għajnejn jilmgħu bid-dija… imma wkoll tibki u tixher magħna, taqsam magħna tbatijietna, terfa’ fuqha s-slaleb tagħna u tissallab magħhom hi biex tifdina?
U kif inkun fil-knisja, b’ħarsti fuq il-Bambin, inniżżel ftit rasi ’l isfel u għajnejja jissamru fuq bwejba ċkejkna, u ninduna li hemmhekk ukoll hemm dak li kien, li hu u li jibqa’. Xi ħaġa tal-passat, ta’ epoka oħra, ta’ dinja li għadda żmienha u m’għadhiex moda? Le, ma naħsibx. U anke jekk aħna naħsbu hekk, hu mhux ser jagħti lilu nnifsu b’mirbuħ! Għadu żmienu. Hu jrid li jibqa’ żmienu, mhux b’xi ħakma ta’ suppervja fuq epoka li ma tridx taf bih, imma għadu u jibqa’ żmienu għax iħobbna, għax ta ħajtu għalina darba imma għal dejjem. Għadu żmienu għax għadu żmien il-bniedem; il-bniedem li jiċħdu u jwarrbu biex mingħalih ikun ħieles, bla ma jaf li hu dak id-daqsxejn ta’ tfajjel ċkejken li jista’ jagħtih il-veru ħelsien, li jista’ jimlilu ’l qalbu, li jista’ jagħtih it-tama f’dinja li tilfet kull tama. Hu biss jista’ jimla ’l qalbi. Hu biss jista’ jimla ’l qalbek. Hu biss!