Tiftaħ it-televixin jew il-gazzetta u tara jew taqra dwar qtil ’l hawn u gwerer ’l hemm, serq, sfruttar ta’ persuni, kriminalità u iktar. Iċempillek xi ħadd tal-familja jew tiltaqa’ ma’ xi ħadd li tafu u jirrakkuntalek fuq xi marda jew biċċa inkwiet oħra fil-familja. Tmur ix-xogħol u xi ħadd minn sħabek jiftaħ qalbu GScicluna_Il-Mumentmiegħek li għandu l-problemi mal-mara jew mar-raġel, jew forsi inkwetat bit-tfal minħabba xi vizzju jew relazzjoni li qiegħda tkissirhom. Jew forsi inti mhux qed tisma’ biss dwar dawn ir-realtajiet, imma qed iġġarrabhom inti stess, għaddej inti stess jew xi ħadd qrib tiegħek minn xi marda terminali jew kundizzjoni permanenti, problemi psikoloġiċi li jħalluk bla saħħa u bla ħeġġa għall-ħajja, solitudni li tagħlqek fik innifsek u tiżolak…

U f’ċirkostanzi bħal dawn, l-ewwel reazzjoni ħafna drabi hi: Għaliex? Xi skop hemm f’din it-tbatija? Hawn tant nies li jaqilbu d-dinja; għalfejn jien, jew marti, jew żewġi, jew uliedi? U tant mistoqsijiet oħra li jitqanqlu awtomatikament quddiem ir-realtà ta’ dak kollu li jikkawża tbatija fil-ħajja tagħna. U huma awtomatiċi għax ma nsibux loġika f’dawn l-esperjenzi, ma narawx sens jew skop li jista’ jintlaħaq. Hija awtomatika għax hi reazzjoni frott ix-xewqa fil-bniedem għal dak li hu sabiħ u tajjeb, għal dak li jagħmel sens u li jagħti sens u direzzjoni lill-ħajja tagħna.

U kultant, jew spiss, ma’ dawn tiżdied il-mistoqsija l-oħra: Imma kif Alla jħalli dan kollu jiġri? Kif iħalli lill-innoċenti jbagħtu? Tgħid xi kastig ta’ Alla? U xi minn daqqiet din il-mistoqsija tkun iktar kruda u tieħu forma iktar radikali: Kif jista’ jkun li jeżisti Alla u mbagħad jippermetti dan kollu?

Il-verità hi li tweġiba għal dan kollu m’għandniex. Nafu li hemm ir-realtà tal-libertà tal-bniedem, element importanti tal-persuna imma li kemm-il darba jintuża għall-ħażin flok għat-tajjeb. Hemm ukoll ir-realtà tan-natura li għandha r-regoli tagħha li permezz tagħhom tmexxi lilha nfisha. Imma tweġiba konkreta għall-problema tat-tbatija m’għandniex. Nistgħu nippruvaw naħsbu fi tweġibiet u soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw lil xi wħud u għal xi żmien, imma ma japplikawx dejjem. U, biex ngħiduha kif inhi, lanqas Alla stess qisu ma tana tweġiba. Minflok, għażel li jagħmel xi ħaġa konkreta: sar bniedem bħalna, litteralment ġie jgħix fostna, sar ġar tagħna, wieħed minna biex jaqsam magħna l-esperjenza tal-ħajja tagħna. U biex żgur ikun mess l-esperjenza kollha tagħna, ħalla lilu nnifsu jaqa’ vittma tal-qawwiet tal-ħażen. F’għajnejn il-bnedmin il-proġett ta’ Ġesù jidher falliment għax ma rnexxilux jeqred il-ħażin u t-tbatija. Imma l-kejl mhuwiex is-suċċess kif nifhmuh aħna. Il-kejl hu t-tama li żera’ fina, il-possibbiltà li tana li permezz tal-qawmien tiegħu mill-mewt ta sens lil dak li ma kienx jagħmel sens.

Fil-vjaġġ tiegħu fil-Filippini, il-Papa Franġisku għamel żewġ ġesti partikulari li juru b’mod konkret xi jfisser dan li qed ngħidu. Quddiem it-traġedja tat-tifun, lill-familjari tal-vittmi u lil dawk li tilfu kollox il-Papa jgħidilhom li hu ma seta’ jgħidilhom xejn ħlief li jħeġġiġhom iħarsu lejn Ġesù msallab għax hemmhekk, f’dan Alla li jaf xi tfisser titlef kollox, jistgħu jsibu l-faraġ u s-saħħa biex jimxu ’l quddiem. Il-ġest l-ieħor kien dik it-tgħannieqa li ta lil dik it-tifla li nfaqgħet tibki waqt li qed titkellem dwar is-sofferenza li jgħaddu minnha tfal bħalha, xbieha tat-tgħannieqa ta’ Alla li ma jibżax mill-mistoqsijiet tagħna imma li jħobbna u jrid jagħtina t-tama.

U proprju għal din ir-raġuni li jien għamilt din l-għażla li nħaddan is-sejħa saċerdotali: mhux għax għandi r-risposti għal kollox, jew għax naħseb li f’din il-ħajja ser insibhom, imma biex jien stess insir it-tweġiba ta’ Alla, tweġiba ta’ mħabba u mgħodrija quddiem it-tbatija; tweġiba li mhux tneħħi l-mistoqsijiet imma li tagħti tama ġdida, it-tama li f’dan kollu m’aħniex waħedna imma hemm Alla li ta ħajtu għalina u li jrid li naqsmu ħajjitna miegħu.

F’dan iż-żmien jien u sħabi s-seminaristi, li bħali għamlu din l-għażla f’ħajjithom li jkunu għas-servizz tal-bnedmin l-oħrajn, qegħdin induru fil-parroċċi u fil-knejjes ta’ Malta biex niltaqgħu magħkom.

 

Dan l-artiklu deher fuq il-Mument ta’ nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2015.

Agħfas hawn għar-ritratt tal-artiklu

Comments