Issa li kważi ser jagħlaq sentejn fil-ħidma tiegħu, nistgħu nsejħu lil Papa Franġisku Missier Twajjeb! U forsi hawn min jistaqsi: x’jagħmlu hekk? Franġisku min-natural tiegħu jħobb ikun qalb in-nies: qalb l-ulied tal-Missier li l-istess Missier fdalu f’idejh. Jidħaq ma’ min jidħaq, jibki ma’ min jibki, jagħti kelma ta’ inkoraġġiment lil dawk li jesperjenzaw qtigħ il-qalb, tgħanniqa mill-qalb lill-marid, taptipa lill-batut:CMifsud_It-Torca dan hu Papa Franġisku għalija u żgur għal ħafna minna! Saħansitra riċentament waqt żjara fil-parroċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu ġewwa Ruma mingħajr ħadd ma kien jaf qabel żar ukoll  Campo Arcobaleno, post fil-periferija tal-istess parroċċa fejn jgħixu numru ta’ refuġjati fqar li baqgħu mistagħġba li l-Papa dawwar il-korsa tal-viżta parrokkjali tiegħu biex imur proprju għandhom, jiltaqa’ magħhom! Mill-filmati u r-ritratti li ħarġu u anke mill-kummenti ta’ dawk li kienu preżenti, wieħed ma jistax ma jgħidx li ma kinetx xena ferm sabiħa tara n-nies kommossi u ferħanin b’dik iż-żjara mhux mistennija. Fost ir-residenti kien hemm ukoll numru ta’ refuġjati mill-Amerika Latina, li meta kien hemmhekk talab flimkien magħhom il-Missierna bl-Ispanjol u tahom il-barka tiegħu.

Kull meta nara xeni bħal dawn niftakar f’meta l-Papa Franġisku ħareġ mill-gallarija tal-bażilika ta’ San Pietru għall-ewwel darba u sellmilna b’mod mhux mistenni: “Buona sera” – il-lejla t-tajba – u mbagħad bl-umiltà kollha jitlob il-barka tagħna. Mill-ewwel wera x-xewqa tiegħu li jkun qrib il-poplu, u anke fl-ewwel omelija tiegħu lis-saċerdoti nhar Ħamis ix-Xirka tas-sena 2013 qalilhom: “dan nitlobkom jien: kunu rgħajja li ġġorru fuqkom ‘ir-riħa tan-nagħaġ’, li tkun tinxtamm”. Jiġifieri jixtieq li s-saċerdoti jieħdu verament l-ispirtu tiegħu u jkunu huma stess li jwasslu l-Vanġelu fil-Knisja u hu jisħaq ħafna li jwasslu l-Bxara t-Tajba ’l barra minnha wkoll. Il-Pontifikat tiegħu jibda b’isem. Hu l-ewwel wieħed li għażel l-isem Franġisku u minn dan l-istess isem naħseb toħroġ ukoll l-aġenda tal-Papat tiegħu. San Franġisk, il-qaddis li għex ħajja ta’ faqar, u Franġisku li jixtieq ikun viċin il-fqar, li jagħmel l-għażla tal-fqar. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium jikteb hekk: “nippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata”.

U dan kollu lili bħala seminarista jġiegħlni naħseb u nirrifletti fuq kif għandi ngħix is-saċerdozju tiegħi. Jien li għażilt din it-triq għandi nara li nwettaq verament din il-missjoni minn qalbi u qalb il-poplu skont anke l-gwida tal-Papa preżenti. Il-formazzjoni li qed nirċievi fis-Seminarju qed tgħin biex nassimila l-istil tal-Papa Franġsiku.

Bħalma l-Papa qed joħroġ jiltaqa’ man-nies, f’dan iż-żmien tar-Randan aħna s-seminaristi wkoll ser inkunu fil-parroċċi kollha ta’ Malta sabiex niltaqgħu magħkom u tkun ħaġa sabiħa li niltaqgħu flimkien fil-komunitajiet tagħkom.

 

Dan l-artiklu deher fuq it-Torċa ta’ nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2015.

Agħfas hawn għar-ritratt tal-artiklu

Comments