L-għażla favur il-ħajja hi tema li spiss tiġi diskussa. Forsi għal ħafna minna, dan is-suġġet jibqa’ għaddej minn fuq rasna bla ma naħsbu xejn dwaru. Fil-ħajja magħġla tal-lum, ftit li xejn wieħed għandu ċans joqgħod jaħseb fuq il-ħajja. Iżda ħaġa tal-iskantament, diversi minna jeħduha qatta bla ħabel kontra dawk li jitkellmu favur l-abort jew l-ewtanasja. Dan għaliex ilkoll għandna għal qalbna l-valur tal-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha u nagħrfu li hemm persuna bid-dinjità kollha tagħha, li għandha s-sensi, li trid tiġi maħbuba u li għandha dritt għall-ħajja bħal kull bniedem ieħor. Xi tfisser mela l-għażla favur il-ħajja?
Waħda mill-aktar dimensjonijiet importanti fit-tagħlim tal-Knisja hi l-qdusija tal-persuna mill-konċepiment tat-tarbija sal-mewt b’mod naturali tal-persuna. F’dan li qed ngħidu, qed niġbru ħafna aspetti bħar-rispett lejn il-peruna, id-dinjità umana, is-solidarjetà, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u d-drittijiet tal-persuna fost oħrajn.
Kull dnub li jmur kontra d-dinjità umana, anke dik li tinsab fil-ġuf, huwa dnub kontra din ir-relazzjoni kontienwa li tagħmel lilna l-bnedmin differenti minn kwalunkwe ħlejqa oħra. Id-dritt tal-ħajja sa mill-mument tal-konċepiment hu l-prinċipju li fuqu huma mibnija d-drittijiet kollha li dik l-istess persuna għandha dritt tgawdi. Hu għalhekk li meta nitkellmu fuq l-għażla favur il-ħajja, inkunu qed inħasu lejn il-ħajja sħiħa tal-persuna, mill-bidu tal-ħajja fil-ġuf sal-mument tal-mewt naturali.
Din l-għażla fundamentali għall-ħajja ssib l-għeruq tagħha fil-familja. Huwa hawn fejn it-tarbija titwieled u tintlaqa’, u tiġi mgħallma tirrispetta u tħobb il-ħajja. Hija biss il-familja li tista’ tgħallem lit-tarbija l-veru sinifikat tal-imħabba.
It-tfittxija għall-paċi hija wkoll għażla fundamentali favur il-ħajja. Forsi ftit li xejn naħsbu fuq dan. Il-paċi hija frott tal-ġustizzja u l-imħabba, li jsibu l-qofol tagħhom fil-qalb ta’ Alla. Marbut ma’ dan insibu l-maħfra, li tgħin lill-bniedem iduq il-benna ta’ din il-qalb ta’ Alla meta, bil-grazzja tiegħu, jaħfer lil dak li jkun naqsu u, biex iħaddan id-don tal-paċi, jerġa’ jibni relazzjoni ma’ dik il-persuna.
Ikun tajjeb li ngħidu li l-ħajja tagħna ġiet mogħtija lilna bħala rigal. Kemm tkun ħaġa tajba li nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don tal-ħajja. Meta kull wieħed u waħda minna nħarsu lura lejn dak li għaddejna minnu, żgur li lkoll nirrealizzaw kemm l-imħabba ta’ Alla hi qrib tagħna. Ilkoll ġejna mislufin din il-ħajja mingħand Alla, mhux biex ngħixuha hawn biss, iżda biex meta jasal iż-żmien li nsellmu lil din l-art, nibqgħu ngawduh għall-eternità.
Bħala seminarist li qiegħed inħejji ruħi għas-saċerdozju, id-don tal-ħajja hu xi ħaġa fundamentali għalija. Il-fatt li sibt familja li ħadet ħsiebi, li laqgħetni u li għallmitni nirrispetta u nħobb il-ħajja, fetħitli t-triq biex f’mumenti differenti nagħraf l-imħabba ta’ Alla u s-sejħa li kien qed jagħmilli. Is-sejħa komuni ta’ kull nisrani hi waħda, dik li jħobb lil Alla f’kulma jagħmel. Hija proprju biex nagħrfu iżjed din l-imħabba u biex nagħrfu nwassluha lil dawk li niltaqgħu magħhom, il-motivazzjoni li żżomm lili u lil sitta u għoxrin żagħżugħ ieħor ġewwa s-Seminarju.
Fil-ġimgħat li ġejjin, jien flimkien ma’ sħabi ser inkunu qed induru l-parroċċi madwar Malta. Ser nitolbukom biex “tinvestu” fis-Seminarju, il-post fejn aħna s-seminaristi nirċievu ħafna mill-formazzjoni tagħna biex ’il quddiem inkunu saċerdoti, u biex titolbu għalina ħalli nkunu saċerdoti skont il-qalb ta’ Ġesù. Tiddejqux tavviċinawna! Dawn ikunu okkażjonijiet sbieħ biex aħna u intkom niltaqgħu u nsiru nafu lil xulxin!
Filwaqt li nitolbukom titolbu għalina, aħna wkoll inwiegħdukom it-talb tagħna!
Dan l-artiklu deher fuq Leħen is-Sewwa