Id-dinja u l-moda ntrabtu ma’ xulxin b’rabta li ma tinħallx. Waħda ma tgħaddix mingħajr l-oħra. It-tnejn ifittxu li llum ikun aħjar mill-bieraħ u għada aħjar mil-lum. Anzi dak li kien ilbieraħ bħal donnu ma jagħmilx sens. Aħjar tinsih għax inkella dak li għandek f’idejk illum ma jkunx aċċettat. Jekk dak li ser toffri mhux ser jilħaq il-livell li d-dinja jew il-moda jfittxu, allura qed toffri xi ħaġa skaduta.
Fid-dawl ta’ din ir-realtà nistaqsi, baqa’ post tal-persuna tas-saċerdot fis-soċjetà tal-lum? Baqa’ post għalija meta niftakar li xi drabi niġi indirizzat bħala ta’ wara l-muntanji jew bħala l-persuna li ma nistax nifhem il-mentalità tal-lum? Il-“prodott” li qiegħed noffri skada?
Ma nistgħux inwieġbu dawn il-mistoqsijiet mingħajr ma nirrifletti dwar min hu s-saċerdot veru li jien flimkien ma’ sħabi s-seminaristi qegħdin inħejju li nkunu.
Is-saċerdot hu l-bniedem li jisma’. Is-smiegħ fil-ħajja tal-qassis huwa l-ewwel risposta ta’ dak li qiegħed jgħix, għax huwa marbut ma’ dak li sejjaħlu. Proprju l-ewwel pass li wettaqt f’ħajti huwa li nisma’ dak li Alla jrid minni. Fi kliem aktar sempliċi s-smiegħ nistgħu nirreferu għalih bħala d-disponibbiltà, li nkun persuna miftuħa, l-ewwel u qabel kollox għal Alla, imma wkoll għall-karba tal-bniedem. Għax il-bniedem li qed jgħix fl-istorbju jeħtieġlu li jiġi mismugħ. Jeħtieġlu li jpoġġi qalbu li hija mifnija bl-għajjat li jtarrax ma’ qalb disponibbli. Huwa prodott skadut is-smigħ li jiena msejjaħ li ngħix?
Is-saċerdot huwa l-bniedem li jrid jgħix ħajja ta’ fedeltà. Forsi saret kelma kemxejn tqila. Il-fedeltà ma tikkonċernax persuna waħda, weħidha, imma tinkludi tal-inqas persuna oħra. Fedeltà tfisser li hemm relazzjoni ta’ lealtà u ta’ fiduċja totali. Qabel xejn il-qassis fid-dmir li jiftakar fil-fedeltà li hu nnifsu rċieva mingħand Alla. Ma tistax tkun fin-natura tas-saċerdot li dak li hu rċieva jżommu għalih jew jagħżel li jaqsmu ma’ min irid hu.
X’inhu dak li jiena rċivejt? Irċivejt il-verità li hija l-persuna ta’ Ġesù li għax kien fidil lejn il-bniedem offra lilu nnifsu. Il-fedeltà saċerdotali hija marbuta mal-umanità, għax kif qal il-Papa Ġwanni Pawlu II “il-bniedem huwa t-triq li l-Knisja trid timxi fiha.” Huwa prodott skadut il-fedeltà li jien imsejjaħ li ngħix?
Il-qassis huwa l-bniedem li jingħata. F’dinja fejn tirreklama l-egoċentriżmu, is-saċerdot joffri lilu nnifsu għall-bżonnijiet tal-oħrajn bil-mod ta’ kif għamel Ġesù mal-umanità kollha. L-ebda għotja mhija faċli, bħalma mhix faċli l-għotja ta’ raġel lil martu u viċi versa. L-għotja tas-saċerdot tlaqqgħek ma’ diversi esperjenzi ta’ tbatija u wġiegħ; ma’ indifferenza u qtigħ il-qalb; ma’ egoiżmu u firdiet; mal-mard u l-mewt. Imma tlaqqgħek ukoll mal-ferħ u s-suċċess; mat-tama u l-kuraġġ; mal-imħabba u l-ħajja; mat-tajjeb u l-fejqan.
Għalhekk huwa f’dan id-dawl li ċ-ċelebat saċerdotali jinftiehem, għaliex fih ma hemmx ċaħda imma għotja. B’hekk il-qassis huwa msejjaħ li jidħol fil-qalba ta’ kull individwu u miegħu jimxi kull mument ta’ ħajtu ankè jekk xi okkażżjonijiet ma jiftihmux. Il-bniedem mhux risposta jfittex imma preżenza għax id-dinja tfittex lill-qassis għax qiegħda tfittex lil Ġesù. Huwa prodott skadut li qed ngħix din l-għotja sħiħa għall-oħrajn?
Mistoqsija li tista’ ssir hija: Hemm bżonn inkun qassis biex nagħmel dan kollu? Ma nistax naħdem fil-qasam soċjali jew ikun counsellor? Waqt li nuri gratitudni mistħoqqa lejn il-ħidma kollha li dawn il-persuni jagħmlu fis-soċjetà ta’ żmienna, infakkar li din mhix xi kompetizzjoni bejn stat ta’ ħajja ma’ oħra. Kull persuna għandha sehem importanti fit-tisħiħ tal-ħajja tal-bniedem. Il-qassis irid jiftakar li dak li qiegħed jagħmel, jagħmlu f’isem xi ħadd, f’isem Alla. Għalhekk l-attitudni tiegħu jrid ikollha ċ-ċentralità tagħha fil-persuna ta’ Ġesù. Il-figura tas-saċerdot hija sinjal viżibbli tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja, u permezz tax-xhieda awtentika, akkumpanjata mit-talb, ikun id-duwa bżonjuża li ttaffi l-ġerħat tal-bniedem.
Le, ma teżisti l-ebda data mal-figura tas-saċerdot li tindika li skada. U għalhekk, bħalma jiġri kull sena fil-Ħdud tar-Randan, aħna s-seminaristi ser inkunu fil-parroċċi ta’ Malta nistennew biex niltaqgħu magħkom.
Dan l-artiklu deher fuq il-Kulħadd ta’ nhar il-Ħadd 29 ta’ Frar kif ukoll fuq is-sit kulhadd.com.
Agħfas hawn għar-ritratt tal-artiklu