Immaġina li għaċ-CHOGM, barra r-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra, jattendi wkoll Kristu Re. Kieku kellu jiġi, żgur li kien jattendi għal-laqgħat mal-mexxejja l-oħra u jagħti sehmu fid-diskussjoni. Imma ibqa’ ċert li kien ibiddel xi ftit affarijiet minn dak li hu pjanat għall-oħrajn. Pereżempju, żgur li ma kienx ser joqgħod mal-oħrajn f’xi lukanda lussuża jew f’wieħed mill-palazzi presidenzjali. X’aktarx kien joqgħod id-Dar tal-Providenza, jew forsi wkoll id-Dar tal-Kleru. Konvint li hemmhekk, qalb dik it-tbatija u d-dipendenza, kien iħossu iktar at home. X’aktarx li lanqas kien jgħaddi mit-toroq li messithom kisja ġdida ta’ asfalt. Probabbilment, l-aktar jekk ikun id-Dar tal-Providenza, kien jgħaddi minn ħafna toroq qalb l-għelieqi, x’aktarx ukoll minn Ta’ Kandja u Ħal-Farruġ. Ma naħsibx li jkollu karozza lussuża, għalkemm ma naħsibx li jissogra juża tal-Linja! Għall-ikliet il-kbar joqgħod mal-mexxejja, għax hu dejjem kiel ma’ kulħadd. Imma naħseb li jkun jixtieq imur jiekol ukoll f’Dar Leopoldo jew Dar Teresa Spinelli, fejn ifittxu kenn persuni li għal raġuni jew oħra jsibu ruħhom bla saqaf… U nsomma, jistgħu jiġuna ħafna ideat oħra ta’ kif kien ikun il-programm ta’ Ġesù kieku kellu jattendi għaċ-CHOGM.
Imma jien naħseb li, anke kieku kien għadu fiżikament fid-dinja, Ġesù ma kienx jiġi għaċ-CHOGM. Ma naħsibx li kien jiġi, mhux għax jibża’ mit-terroriżmu. Lanqas għax ma jinteressahx dak li ser jiġi diskuss—żgur li jinteressah la huwa dwar il-bniedem. Lanqas għax ma jkollux xi jgħid—hu ġie biex jixhed għall-verità. Ma kienx jiġi għax saltnatu mhijiex ta’ din id-dinja. X’aktarx lanqas ma kien ikun mistieden, għax l-istil ta’ tmexxija tiegħu—li jkun qaddej ta’ kulħadd—ma naħsibx li jinżel għasel. Għax hu jsaltan minn fuq salib. Hu jsaltan minn fost it-tbatija tagħna. Propju hemmhekk, fejn il-bniedem l-iktar li jbati, li Ġesù jwaqqaf is-salib tiegħu u jissallab mill-ġdid f’kull bniedem muġugħ, f’kull bniedem imżeblaħ, f’kull bniedem emarġinat u waħdu, f’kull bniedem li jsofri tort tal-egoiżmu ta’ ħaddieħor.