‘Wasla’ oħra – Mt 24: 37-44
Kulħadd xi darba jew oħra kien f’pożizzjoni li jistenna. Il-ħin ta’ stennija huwa ħin jew żmien li nibqgħu fejn aħna sakemm jasal il-pass li jmiss, bħal tarbija f’ġuf ommha biex jasal il-mument li tgawdi l-ħajja. Hekk ukoll huwa ż-żmien tal-Avvent. Iżda wasla għal xiex?
Il-kelma Avvent ġejja mill-Latin ‘Adventus’ li tfisser ‘wasla’, u għalhekk nistennew mhux biss li nfakkru l-ewwel wasla ta’ Kristu, meta l-Iben ta’ Alla sar Bniedem iżda wkoll tfakkarna fit-tieni wasla li Bin il-bniedem ser jagħmel. “Meta jkun dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn,” jgħidilna Ġesù, “ħlief il-Missier waħdu” , iżda nistgħu nkunu ppreparati għaliha. L-Avvent huwa żmien li nistennew u nirċievu lil Ġesù bit-tama. It-tama tagħna hija f’Ġesù u fl-istennija tiegħu li għad jerga’ jiġi. Din l-istennija ma tieqafx nhar il-Milied meta nfakkru l-ewwel wasla tiegħu, għaliex huwa rieġa ġej fl-aħħar jum u dan għalina huwa t-Tieni Avvent. Iżrael kien ilu jistenna l-ewwel wasla ta’ Ġesù għal ħafna sekli sabiex Alla jwettaq il-patt li għamel mal-poplu tiegħu permezz tal-profeti, iżda ġara li mhux il-poplu kollu kien ippreparat u lest biex jirċevih meta ġie.
Ġesù llum ifakkarna biex ma nkunux aljenati mill-affarijiet ta’ din id-dinja għaliex jasal il-mument fejn il-bniedem ma jkunx lest li jirċevih. Ġesù stess iġib l-eżempju tan-nies ta’ Noè fejn il-poplu ma kienx qiegħed jistenna iżda kien qiegħed jgħix aljenat minn Alla. Għalhekk il-liturġija ta’ matul l-avvent kollu tħeġġiġna sabiex inkunu ppreparati fil-ħajja Nisranija tagħna biex nistennew lill-Mulej Ġesù.
“Qumu! Ftakru li Alla jiġi! Mhux ilbieraħ, mhux għada, imma llum, issa! Alla wieħed u veru, “Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb”, mhuwiex Alla li qiegħed hemm fis-Sema, ma jinteressahx minna u mill-istorja tagħna, imma huwa Alla-li-jiġi.”
-Papa Emeritu Benedittu XVI
Kliem Ġesù huwa kliem li jagħmlilna kuraġġ, filwaqt li nistennew, iż-żmien għaddej u “għax ma tafux f’liema jum jiġi l-Mulej” għalhekk għandna nieħdu iżjed bis-serjetà u b’impenn il-ħajja Nisranija tagħna u r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù li din ser twassalna għall-relazzjonijiet sani m’Alla, magħna nfusna, mal-ħolqien u man-nies ta’ madwarna. Inkunu qed nistennew lill-Mulej jekk nagħmlu dak li huwa ppjana għalina sa mill-bidu, ir-rieda tiegħu għalina, f’kull ħaġa li nagħmlu anki f’affarijiet żgħar ta’ kuljum. Ninqatgħu ftit minn din id-dinja storbjuża u s-soċjetà li kontinwament taljenana min-neċessarju, minn Alla, u ningħaqdu mal-essenzjal ta’ ħajjitna. B’deċiżjoni personali nkun nista’ ngħid ‘Iva jiena rrid infassal ħajti wara Ġesù u mmur ingawdih għall-eternità meta tasal il-wasla’.
Jalla dan l-Avvent ikun għalina żmien ta’ ferħ u tama bħal dik it-tarbija f’ġuf ommha għall-wasla, issa mhux dik temporanja imma eterna.
****
Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem.Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.