Il-ħarsa tagħna llum, fil-Milied, hi ffissata fuq tarbija ċkejkna, fqira, u fi bżonn ta’ kollox. Aħna u nikkontemplaw il-wiċċ ċkejken ta’ din it-tarbija, nistagħġbu li Alla, infinit, kbir, u ħallieq ta’ kollox li kollox bih sar u mingħajru ma sar xejn, fit-tjubija immensa tiegħu, ħa ġisem u ċċekken b’mod tant inkredibbli. Għammar fostna b’mod li mexa u jibqa’ jimxi magħna fi triqitna! Hu għalhekk li l-monaku tar-raba’ seklu, San Makarju kien igħid li Alla smikryno, ċioé, iċċekken sakemm ma setax jiċċekken aktar.
F’dan id-dawl, il-Milied hi l-festa tal-umiltà ta’ Alla: l-Iben ta’ Alla sar bniedem, sar tarbija fi bżonn ta’ kollox. Is-sinjal li jingħataw ir-rgħajja hu sempliċi ħafna: tarbija mfisqija u mqegħda f’maxtura (Lq 2, 12). Dan l-Iben tgħallem jitkellem, tgħallem jimxi. Hu ġie fostna fiċ-ċokon. Ma riedx ibeżżagħna jew jurina kemm hu qawwi. Kif qal il-Beatu Pawlu VI: “Alla seta’ ġie mlibbes bil-glorja, dawl u qawwa, biex nistagħġbu quddiemu. Iżda ġie bħala l-iżgħar, l-iżjed dgħajjef, Għaliex? Biex ħadd ma jistħi jersaq lejh, biex ħadd ma jibża’, biex ilkoll inkunu viċini tiegħu u nersqu lejh, biex ma jkunx hemm distanza bejnna u bejnu. Alla għodos fil-fond biex kull wieħed u waħda minna jista’ jitkellem b’mod intimu miegħu, jista’ jafdah, jersaq lejh u jagħraf li hu jħobbu. Hu jħobbok! Kieku taf x’ifisser dan!”. Din hija l-grazzja u l-verità (Ġw 1, 17): verità għax Alla hekk hu; grazzja għax dan hu don pur.
Għalhekk il-Milied hu għid ta’ doni: aħna nagtu rigali lil xulxin propju għaliex Alla tana lilu nnifsu b’rigal … ingħatalna Iben (Is 9, 5)! Ejjew inħallu lil qalbna, lil ruħna, lil moħħna jirċievu dan il-fatt! Kif qal Romano Guardini, dan l-avveniment straordinarju jaqleb ta’ taħt fuq il-valuri tagħna. Jaqleb dak li s-soltu naħsbu. Alla jippreżenta lilu nnifsu lilna, mhux bħala s-Sid tal-univers, u lanqas bħala xi ideja sublimi ta’ mħabba; jippreżenta ruħu bħala maħbub umli.
Dan hu d-dawl kbir li jiddi (Is 9, 1) u li dawwal lil kull bniedem (Ġw 1, 9) u l-ferħ tagħna jitwieled mit-tama li tingħatalna: Illum tweldinna Salvatur li hu Kristu l-Mulej. Hu ferħ kbir (Lq 2, 10) għax bit-twelid tal-Iben ta’ Alla, kollox jinbidel. M’aħniex waħedna, qatt! Id-dawl veru ġie jdawwal lil ħajjitna miżgħuda b’dellijiet. Inwarrbu minna kull biża’ u ansjetà għax għandna triq miftuħa quddiemna. L-Iben li twieled jurina t-triq. Niskopru min aħna: prezzjużi, maħbuba, imsejħa għall-ferħ u l-ħelsien ta’ wlied. Jekk inpoġġu jdejna f’idejn din it-tarbija, jekk ngħidu ‘iva’ għall-‘Ejja Warajja’ li jindikalna, insiru tiegħu u t-triq tinfetaħ quddiemna u dan ikun bidu ġdid għalina. Hu ma jinġibidx lura quddiem id-dnub u l-ħmieġ tagħna … hu ġie għall-midinbin mhux għall-ġusti. U jekk imħabbtu tkun fina, aħna nagħmlu bħalu u nfittxu l-mitluf, il-fqir u d-dgħajjef għax hu prezzjuż.
Il-Papa Franġisku din is-sena ikkwota talba ta’ Patri Matta el Meskin li, hu u jindirizza l-Mulej Ġesù mwieled f’Betlem, talab hekk: “Għandna bżonnok Mulej … iġbidna lejn qalbek. Fejjaq fina kull suppervja u kull arroganza. Id-dinja tagħna hi għajjiena u eżawsta għax kulħadd irid juri li hu l-akbar. Hawn kompetizzjoni kbira bejn organiżazzjonijiet, persuni … id-dinja hi feruta u miġruħa minn din il-marda kbira: min hu l-akbar? Imma nsibu fik din id-duwa waħdanija. Agħmel li nsiru żgħar bħalek … urina s-sempliċità tiegħek, iġbidna – lilna lkoll – lejk. Aħna ma nistgħu insibu qatt kwiet, qatt salvazzjoni jekk ma niltaqgħux miegħek fil-maxtura ta’ Betlem. Ammen”.